Lokali
300 vittma jingħataw l-għajnuna tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità f’6 xhur

Aktar minn 300 vittma ta’ kriminalità minn April ‘il hawn ingħataw appoġġ mill-Aġenzija li twaqqfet apposta biex tassistihom u anke tinfurmahom dwar fiex wasal il-każ tagħhom u anke x’sar mill-persuna li tkun wettqet ir-reat kontrihom.

L-akar tliet reati komuni huma vjolenza domestika, serq u każijiet ta’ frodi fuq l-anzjani.

Sa mit-twaqqif tagħha f’ April li għadda, l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità kienet ta’ appoġġ għal aktar minn 300 vittma ta’ kriminalità.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija, Brian Farrugia qal li ħafna minnhom kienu vittmi ta’ vjolenza domestika, u vittmi ta’ serq u frodi – speċjalment anzjani.

Huwa ddeskriva din l-aġenzija bħala punt ta’ referenza għall-vittma li mhijiex biss dik il-persuna li ġiet affettwata direttament mir-reat.

“Iżda wkoll jista’ jkun hemm familjari, jista’ jkun hemm ġirien, u anke nies oħra li jkunu viċin tal-vittma. Dawk ukoll huma meqjusa bħala persuni li sfaw vittmi tal-kriminalità.”

Mill-binja ċentrali tagħha – fi Triq it-Teatru l-Antik fil-Belt – l-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità toffri diversi servizzi bla ħlas u b’mod kunfidenzjali.

“Għandna membri mill-korp tal-pulizija qegħdin magħna, mit-team tal-probation and parole, għandna wkoll uffiċjali pubbliċi, professjonisti fil-qasam legali, u professjonisti fil-qasam pisko-soċjali.”

Il-professjonisti tal-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità jikkollaboraw ma’ diversi entitajiet governattivi u mhux li jaħdmu f’dan il-qasam bħal pereżempju meta l-vittma jkollha bżonn għajnuna legali għall-qorti. Is-Sur Farrugia qal li ħafna mill-vittmi jitolbu informazzjoni dwar fiex wasal il-każ tagħhom fil-qorti, jew xi jkun mistenni minnhom fil-proċeduri kriminali, u jfittxu għajnuna emozzjonali.

Brian Farrugia, qal “niftakru li t-tbatijiet li jgħaddu minnhom dawn in-nies huma kbar – ansjetà, dipressjoni, ikollok niex li jinbidlu f’daqqa waħda minħabba t-trawma.”

Christine Gauci, Case Officer 1 qalet “noffru safe environment ħalli l-klijent ikun jista’ jiftaħ kif it-trawma affettwatu psikoloġikament u anke soċjalment.”

Doreen Priest mill-Probation u l-Parole spjegat li skont l-Att tal-2015 dwar il-Vittmi tal-Kriminalità, il-vittma għandha tingħata l-opportunità li tiġi notifikata, meta l-persuna li tkun wettqet ir-reat kriminali fil-konfront tagħha tkun skontat is-sentenza u tkun ħarġet mid-detenzjoni.

“L-ewwel ma nagħmel hu li nistaqsihom jekk iridux ikunu infurmati għax ikun hemm min ma jixtieqx. Biex nagħtik idea – minn April ‘l hawn ġew identifikati 125 vittma ta’ każijiet fejn l-aggressrur wasal biex joħroġ mill-ħabs – minnhom 78 aċċettaw – allura għedtilhom li wasal biex joħroġ.”

Is-Sinjura Priest żiedet li kien hemm 18 li rrifjutaw li jkunu jafu għax għalihom il-każ huwa magħluq.

L-Aġenzija għall-Vittmi tal-Kriminalità għaddejja b’ħidma biex toħroġ fil-komunità permezz ta’ tliet uffiċini reġjonali f’Santa Luċija, f’Għawdex u għadd irid jiġi identifikat ieħor fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta.