Infrastruttura
310 toroq residenzjali lesti mill-investiment ta’ €700 miljun

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg qal li Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 310 toroq residenzjali madwar Malta permezz tal-proġett tat-toroq residenzjali mill-investiment ta’ €700 miljun.

Huwa kien qed iżur Triq San Patrizju, Triq San Aristarku u Triq San Tumas fir-Rabat, tliet toroq li se jkunu qed jitlestew din il-ġimgħa.

Il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern qed iżomm kelmtu permezz tal-wegħda tal-investiment ta’ €700 miljun. Spjega li l-akbar sodisfazzjon huwa li għalkemm fadal toroq xi jsiru, diġà għandna eluf ta’ familji li grazzi għal din il-ħidma bdew igawdu minn toroq residenzjali ta’ kwalità għolja u ambjent aħjar fejn jgħixu.

Intant ġie spjegat li dawn it-toroq kollha jammontaw għal aktar minn 110 kilometri, li fihom l-aġenzija tejbet 215-il kilometru ta’ bankini u poġġiet madwar 370 kilometru ta’ sistemi ġodda taħt l-art, li jikludu pajipijiet tal-ilma, katusi tad-drenaġġ, kanali għall-ilma tax-xita, cables tal-elettriku u trinek għall-cables tal-Internet u servizzi oħra tat-telekomunikazzjoni.

Preżentament, fl-ewwel kwart tal-2021, bejn Jannar u Marzu, l-aġenzija Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 25 triq residenzjali. Dan ifisser li bħala medja, l-aġenzija din is-sena qed tibni mal-erba’ toroq kull ġimgħa bejn dawk residenzjali u toroq qalb il-kampanja.