Ippjanar u bini
323 jsiru sidien ta’ darhom bid-depożitu ta’ 10% li toħroġ l-Awtorità tad-Djar

323 persuna jew koppji saru sidien ta’ darhom wara li l-Awtorità tad-Djar nediet l-Iskema ‘Hope Deposit’ li toħroġ l-10% tad-depożitu fuq xiri tal-ewwel propjetà li jingħata lura fi żmien 25 sena.

Il-Ministru għall-Akkomadazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li din l-iskema, bħall-oħrajn li tnedew mill-Awtorità tad-Djar, laħqet persuni bi dħul baxx u medju.

L-iskema li nieda l-Ministeru għall-Akkomodazzjoni Soċjali s-sena l-oħra, ‘Hope Deposit Scheme’, wasslet biex 323 persuna jew koppji bbenefikaw minn ħlas fuq id-depożitu ta’ 10%.

Din l-iskema hija maħsuba biex tgħin liż-żgħażagħ li jixtiequ jixtru propjetà iżda m’għandhomx biżżejjed flus biex ikopru d-depożitu ta’ 10% mitluba mill-banek kummerċjali.

L-applikazzjoni normalment tkun proċessata fi żmien ġimgħa biex mal-konvenju l-Awtorita toħroġ 10% tal-propjetà li ma tistax taqbeż il-€175,000.

L-applikanti mbagħad iridu jħallsu lura d-depożitu fi żmien 25 sena mingħajr imgħaxx.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid Mckay qal li dawk eliġibbli ma jistax ikollom dhul ta’ aktar minn €35,000.

“Il-persuni jridu jkunu ma jaċċedux id-dħul ta’ €35,000 kemm jekk huma persuni single jew koppja però minħabba li rajna wkoll li l-Awtorità se tkun qed tgħin bl-10% nagħtu inċentiv lil dawn il-persuni meta jkunu qegħdin jagħtu lura dan id-depożitu fuq mixja ta’ 25 sena, jekk hemm min lest iħallas qabel jieħu inċentiv ukoll fuq dak ir-rigward”.

Il-Ministru tal-Akkomandazzjoni Soċjali Roderick Galdes qal li l-għażliet taż-żgħażagħ illum huma differenti minn tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabel tant li qed ikomplu jistudjaw aktar jew jagħżlu li jibdew relazzjoni aktar tard fil-ħajja.

“Ikun hemm aktar il-kunċett li jersqu għar-relazzjoni aktar tard fil-ħajja tagħhom iżda din kienet qed twassal biex ma jkollhomx assi biżżejjed biex jidħlu għall-ewwel self tagħhom fuq il-propjetà tal-ewwel dar u b’hekk l-imbuttatura tal-10% permezz ta’ din l-iskema għenithom biex anke ta’ età żgħira jixtru propjetà għal rashom jew inkella bħala koppji għas-self fuq l-ewwel propjetà”.

Fl-aħħar xhur il-Hope Deposit Scheme għenet 323 persuna jew koppji li għandhom bejn 21 u 29 sena jsiru sidien ta’ darhom.

Il-Ministru Galdes qal li l-politika li fil-pajjiż ikun akkomodazzjoni affordabbli qed titwettaq b’għajnuniet li qed jingħataw lil dawk li għandhom dħul baxx u medju.