Ambjent
350 magna għall-ġbir tal-kontenituri tax-xorb sal-aħħar tas-sena

Sal-aħħar tas-sena f’Malta se jkun hawn mat-350 magna għar-riċiklaġġ tal-kontenituri tal-fliexken tal-ħġieġ, tal-plastik jew metall.

Din l-iskema tar-rifużjoni tal-kontenituri tax-xorb se tkun fost il-proġetti li se tkun qed tamministra l-aġenzija ġdida Circular Economy Malta, CEMalta, li l-għan tagħha huwa li toħloq ambjent ta’ negozju biex il-produtturi jkunu responsabbli għall-prodotti, mill-mument li jiġi mqiegħed fis-suq sat-tmiem tiegħu.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ CEMalta, l-Inġinier Anthony Rizzo, qal li l-produtturi kollha, il-bejjiegħa bl-imnut, l-impriżi tal-‘catering’ kif ukoll l-importaturi u d-distributuri tal-kontenituri tax-xorb għandhom ikunu rreġistrati mal-operatur biex l-Iskema tibda b’suċċess fl-2022.

Mistoqsi minn TVM, l-Inġinier Rizzo sostna li din is-sistema mhux se twassal għall-żieda fil-prezz tal-prodotti li jinbiegħu f’dan it-tip ta’ fliexken.

“Inti ghandek depożitu u inti imbagħad taqbad il-flixkun tal-plastik, ħġieġ, metall, tiddepożitah fil-‘vending machine’ mbagħad tieħu ‘voucher’ biex issarrfu għand il-ħanut li tkun xtrajt il-kontenitur tiegħek”

Snin ilu kienet normali li tirritorna l-flixkun tal-luminta lil tal-gabbana u jagħtik lura ftit ċenteżmi. Mal-qalba għall-plastik din l-użanza inqatgħet u issa kulħadd sar iktar konxju għall-perikli u l-impatti tal-użu tal-plastik speċjalment dak li jintuża darba.

Il-pajjiżi tal-UE jridu jilħqu l-mira li jiġbru 90% tal-fliexken tal-plastik sa 10 snin oħra waqt li l-fliexken tal-plastik irid ikollhom mill-inqas 25% ta’ kontenut riċiklat sa 4 snin oħra u 30% sal-2030.

Għal dan il-għan għaddejin diversi sforzi biex issir tranżizzjoni għall-ekonomija ċirkulari, mhux biss għal dan il-proġett imma f’numru ta’ inizjattivi oħrajn.

Waqt il-konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Ambjent, Tibdil fil-Klima u Ppjanar Aaron Farrrugia qal li CEMalta se tkun qed taħdem fuq numru ta’ proġetti u inizjattivi.

Fost dawn se jkun hemm skemi għall-iskart tat-tajers, tal-kostruzzjoni, tal-ikel u tat-tessuti biex l-ekonomija ċirkolari tkun ta’ benefiċċju għall-umanità għal futur sostenibbli fit-tul.