Immigrazzjoni
356 immigrant se jiddaħħlu Malta biex jiġu rilokati f’pajjiżi oħra

Wara erbatax-il jum bejn sema u ilma, bejn Malta u l-Italja, fis-sigħat li ġejjin it-356 immigrant abbord l-Ocean Viking se jinġiebu Malta mill-Forzi Armati u se jiġu rilokati f’sitt pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern qal li ħadd mill-immigranti mhu se jibqa’ Malta.

L-Ocean Viking operata minn SOS Mediterranèe u Médecins Sans Frontières mhux se jidħol fl-ibħra territorjali ta’ Malta hekk kif l-immigranti ġew trasferiti għal fuq il-patrol boats tal-Forzi Armati.

It-356 immigrant abbord il-bastiment Ocean Viking se jiddaħħlu Malta u jiġu rilokati f’sitt stati membri oħra tal-Unjoni Ewropea. Il-Gvern qal li wara diskussjonijiet mal-Kummissjoni Ewropea u numru ta’ Stati Membri, ewlenin fosthom Franza u l-Ġermanja, Malta qablet li tkun parti mis-soluzzjoni f’dan il-każ mingħajr ma tippreġudika l-pożizzjoni legali.

Il-Gvern qal li l-immigranti se jiġu trasferiti fuq bastimenti tal-Forzi Armati ‘l barra mill-ibħra territorjali Maltin u se jinġiebu Malta sabiex jitqassmu bejn sitt pajjiżi Ewropej. Il-gvernijiet ta’ Franza, il-Ġermanja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Portugall u r-Rumanija qablu li jieħdu lil dawn l-immigranti. Fi stqarrija maħruġa mill-Gvern ingħad li ħadd mill-immigranti mhu se jibqa’ Malta.

Permezz ta’ kelliema għall-Kummissjoni Ewropea, il-Kummissarju Ewropew għall-Immigrazzjoni Dimitris Avramopoulos wera ruħu sodisfatt u kellu kliem ta’ tifħir għal Malta biex ġiet riżolta l-problema tal-immigranti abbord l-Ocean Viking li kien ilhom ġimgħat f’limbu dwar fejn ser jiżbarkaw.

“I would like to in particular commend the cooperation and support of the Maltese authorities who have once again, as they have in so many occasions in the past, shown concrete solidarity by offering the Ocean Viking to disembark in Malta. This proves once again the strong commitment of Malta to a European approach on migration in the spirit of solidarity and joint responsibility.”

L-għaqda Médecins Sans Frontières, li kienet parti mill-operazzjoni ta’ salvataġġ ta’ dawn l-immigranti qalet li it-356 immigrant ġew salvati f’erba’ missjonijiet separati. Fost l-immigranti hemm aktar minn mitt persuna li għandhom inqas minn tmintax-il sena, li mad-90% minnhom jinsabu waħedhom. 3 itfal għandhom inqas minn ħames snin.

F’messaġġ fuq Facebook, il-mexxej tal-Lega, Matteo Salvini qal li żamm mal-wiegħda li għamel u l-ebda permess biex l-immigranti abbord l-vapur Norveġiż Ocean Viking jinżlu l-Italja. Salvini qal bil-politika tiegħu ta’ kontroll u l-portijiet magħluqa naqsu l-immigranti fl-Italja.

Sadanittant fil-jiem li ġejjin, grupp ieħor ta’ immigranti li ddaħħlu fl-aħħar ġimgħat mistennija jmorru l-Ġermanja.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, grupp ieħor ta’ immigranti, li l-Forzi Armati kienu ġabu fis-sebgħa ta’ Lulju u fl-erbgħa ta’ Awwissu minn fuq il-vapur Alan Kurdi tal-għaqda mhux governattiva Sea Eye, telqu minn Malta u marru Franza.

Il-Gvern qal li Malta qed tkun pro-attiv fit-tfittxija ta’ soluzzjonijiet prattiċi biex il-kwistjoni tal-immigrazzjoni ma tpoġġix il-pressjoni kollha fuq pajjiż wieħed.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Il-Knisja f’Malta llum tiċċelebra l-festa tal-Beata Maria Adeodata Pisani. Il-ġurnata tal-festa kienet intgħażlet mill-Papa Ġwanni Pawlu II meta bbeatifika l-ewwel tliet Maltin f’ċerimonja fuq il-Fosos tal-Floriana f’Mejju tas-sena 2001. Il-ġurnata…

Kronaka

Raġel ittieħed b’emerġenza l-Isptar Mater Dei, wara li kien involut f’inċident tat-traffiku fil-Mellieħa. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-1.30pm fi Triq it-Telgħa ta’ Selmun. L-inċident seħħ bejn bejn vettura tal-għamla Toyota Aygo, li…

Stejjer Umani

Filmat ta’ tifel ċkejken ta’ 9 snin inxtered f’ħakka ta’ għajn mad-dinja kollha meta esprima d-dwejjaq li ħakmuh minħabba l-bullying. Fil-filmat miġbud minn ommu, Quaden Bayles jinstema’ jgħid li jrid…

Aktar