Lokali
37% tal-investituri jaraw lil Malta attraenti għall-investiment

Terz tal-investituri barranin li ħadu sehem fi stħarriġ tal-EY jaraw lil Malta attraenti għan-negozju.

Fi preżentazzjoni tar-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, wieħed mid-diriġenti ta’ EY Malta Ronald Attard qal li din hija l-ewwel darba li qatt inkiseb dan ir-riżultat, iżda sostna li tmienja minn kull għaxar investituri jemmnu li n-negozju tagħhom se jibqa’ hawn Malta għax huma fiduċjużi li l-ekonomija se tkompli tikber u Malta mhux se ddum biex toħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.

Bħalissa huma biss 37% tal-investituri barranin li qed jaraw lil Malta attraenti għan-negozju. Dan jirriżulta minn stħarriġ li sar mill-EY li sar ftit wara li Malta tpoġġiet fuq il-lista l-griża tal-Financial Action Task Force, l-FATF.

EY Malta stħarrġet ukoll x’jista’ jsir biex Malta ttejjeb il-pożizzjoni taghha fost imprendituri potenzjali. Jirriżulta li dawk li ħadu sehem tkellmu dwar ir-reputazzjoni, il-governanza tajba, it-titjib fil-ħiliet fis-suq tax-xogħol u żieda fl-isforz biex Malta toħroġ mil-lista l-griża tal-FATF.

Fi preżentazzjoni virtwali tal-istħarriġ, Ronald Attard mill-EY, qal li t-tnaqqis sostanzjali f’kemm l-investituri barranin qed jikkunsidraw li jagħmlu negozju f’Malta mhuwiex neċessarjament riżultat biss tal-greylisting.

Spjega kif il-fatt li għad fadal tmienja minn għaxar investituri li għadhom jemmnu fil-futur tagħhom f’Malta, jindika li bħala pajjiż, baqgħalna ċ-ċans li nqumu fuq saqajna, bħalma għamlet l-Iżlanda, li wkoll għamlet xi xhur fuq il-lista l-griża tal-FATF.

Infatti, mill-istħarriġ 77% tal-investituri barranin qalu li se jibqgħu jinvestu f’Malta fis-snin li ġejjin. L-iktar setturi li jidhru promettenti għall-investiment fil-futur f’Malta huma t-turiżmu, l-igaming, l-intelliġenza artifiċjali u s-servizzi professjonali, kif ukoll l-ICT, il-media diġitali u l-qasam marittimu.

L-istħarriġ juri kif l-investituri semmew is-sistemi ta’ taxxa li huma attraenti għal kull min jinvesti f’Malta, kif ukoll il-fatt lill-ħaddiema li jitkellmu bl-Ingliż u l-prezzijiet kompetittivi ghall-ispejjeż tax-xogħol.

F’konferenza tal-aħbarijiet mill-Partit Nazzjonalista dwar dan l-istħarriġ, il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ekonomija, is-servizzi finanzjarji u l-artijiet Kristy Debono qalet li dan huwa kundana bla preċedent lil kumpaniji diġà stabbiliti f’pajjiżna li qed jiddispjaċihom li għażlu lil Malta għan-negozju tagħhom.

Qalet li l-Gvern ma jistax ikompli jitfa’ rasu taħt ir-ramel u jrid jieħu azzjoni immedjata biex inaddaf ir-reputazzjoni ta’ Malta mill-aktar fiss. Qalet li ċifri ppubblikati llum huma inkwetanti.

Il-Kelliem għall-Finanzi tal-Partit Nazzjonalista Mario de Marco qal li l-EY qalu li dan mhux riżultat biss tal-greylisting għalkemm din kienet fattur dominanti fit-tnaqqis sostanzjali fil-konsiderazzjonijiet tal-investituri barranin.

Qal li l-Gvern għadu ma tkellimx dwar il-pjan ta’ azzjoni sabiex joħroġ mil-lista l-griża tal-FATF. F’dan l-isfond qal li l-pajjiż għandu jirifletti dwar il-mudell ekonomiku li għandu jadotta fil-futur.

Semma’ li l-attrazzjoni ekonomika m’għandix tkun biss is-sistema fiskali iżda wkoll it-talent tar-riżorsa umana, l-infrastruttura diġitali, l-innovazzjoni, r-riċerka u l-ambjent.

Tenna li l-PN jiddefendi s-sovrenità fiskali ta’ Malta iżda Gvern Nazzjonalista jibni niċeċ ġodda li jmorru lil’hinn mis-sistema fiskali.