Kultura
4 drammi qosra ta’ Francis Ebejer se jittellgħu għall-ewwel darba fuq il-palk

Waqt in-Notte Bianca u l-għada l-Ħadd, grupp ta’ atturi żgħażagħ se jtellgħu erba’ drammi tad-drammaturgu Francis Ebejer li qatt ma kienu nħadmu fuq il-palk.

Iż-żgħażagħ se jtellgħu din il-produzzjoni bis-sehem ta’ nies li ħadmu qrib Ebejer fosthom l-attriċi veterana Karmen Azzopardi u l-kittieb u poeta Oliver Friggieri.

Il-produzzjoni teatrali ‘Mhux is-Soltu Francis’ qed tittella’ minn grupp ta’ żgħażagħ li flimkien qed jaħdmu erba’ drammi tal-kittieb Francis Ebejer fl-okkażjoni tal-25 anniversarju mill-mewt tiegħu. Dawn id-drammi qosra ta’ Ebejer qatt ma nħadmu fuq il-palk wara li ġew adattati għall-ġenerazzjonijiet tal-lum.

Id-direttur tal-produzzjoni Clive Piscopo qal, “Ippruvajt insib l-iktar xogħol mhux magħruf, drammi qosra ħafna li kiteb għaż-żgħażagħ fl-1985.”

Is-Sur Piscopo qal li għas-serata tal-Ħadd, ser jkunu mistiedna disa’ persuni li ħadmu qrib mal-kittieb leġġendarju Francis Ebejer fosthom l-attrici Karmen Azzopardi, il-Professur Oliver Friggieri, u iben Ebejer stess, Damian Ebejer.

“Bejn dramm u ieħor se jitkellmu nies li għandhom konnessjoni ma’ Ebejer, atturi li Ebejer kiteb għalihom” kompla jgħid Clive Piscopo.

‘Mhux is-Soltu Francis’ se tittella’ s-Sibt bħala parti mill-attività tan-Notte Bianca u l-għada l-Ħadd fit-Teatru tal-Università l-Qadima fil-Belt Valletta.