Lokali
4 minn kull 10 jeħlu mit-test tal-prattika tal-karozza

Kull sena erbgħa minn kull għaxar persuni li jersqu għat-test tal-liċenzja tas-sewqan ifallu mit-test tal-prattika. Ċifri li kiseb Television Malta juru li kull sena jsiru medja ta’ 8,000 test tal-prattika, Fix-xhur tas-sajf il-maġġoranza assoluta ta’ dawk li jagħmlu t-test huma barranin li jgħixu u jaħdmu f’Malta. Biex tiżdied il-kumdità għall-pubbliku, it-testijiet tat-teorija reġgħu bdew isiru miċ-ċentru fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa – test kruċjali għas-sewwieqa prospettivi minħabba li jridu jgħaddu minnu l-ewwel biex javanzaw għat-test tal-prattika u jiksbu l-liċenzja.

In-nuqqas tal-użu tal-indicators u l-għażla tal-karreġġjata t-tajba qabel taqbad roundabout huma fost l-iktar żbalji komuni li jiltaqgħu magħhom l-eżaminaturi ta’ Transport Malta waqt it-testijiet tal-prattika biex tinkiseb liċenzja tas-sewqan. Kull sena jsiru medja ta’ 8,000 test tal-prattika tal-karozza li jinqasmu bejn 10 eżaminaturi.

Hu stmat li erba’ minn kull għaxar persuni ma jgħaddux minn dan it-test li għalih persuna tista’ ġġib sa 15-il żball tekniku mingħajr żball gravi li fost oħrajn jikkonsisti fi ksur ta’ liġi fir-regoli tat-traffiku jew jikkawża periklu għal terzi fit-triq. It-test idum madwar 45 minuta.

Id-Direttur tad-Direttorat tat-Trasport tal-Art – Transport Malta Clint Mansueto qal “ninnutaw li minn ċerti żbalji banali wieħed jindika li ma kienx hemm preparament tajjeb. Tipo parallel parking jew straight reverse u l-individwu jħares lejk u qisu qatt ma pprattikaha. Diffiċli waqt test tipprova timmanuvraha għall-ewwel darba u ġġibha tajba mill-ewwel.”

Persuna ma tistax tapplika għat-test tal-prattika tal-karozza, jekk qabel ma tgħaddix mit-test tat-teorija li minnu, kull sena jsiru madwar 10,500. Hu stmat li tnejn minn kull għaxar persuni jfallu minn dan it-test li wkoll idum madwar 45 minuta u l-materjal ta’ studju għalih hu pprovdut b’xejn lill-pubbliku.

Bħat-test tal-prattika, m’hemmx limitu ta’ kemm persuna tista’ tagħmel it-test tat-teorija. Mill-bidu ta’ dan ix-xahar, it-testijiet tat-teorija reġgħu bdew isiru miċ-ċentru fit-Telgħa ta’ Gwardamanġa wara li ġie rinovat biex joffri iktar kumdità lill-klijenti.

“Hemm regoli stabbiliti fejn wieħed għandu joqgħod qabel jaqbad roundabout u fuq l-issue ta’ xellug u lemini, kultant toħloq daqsxejn diżgwid li l-individwu jasal biex mistoqsija bħal dik jimmarkaha ħażin.”

Fis-sena tal-pandemija, l-ammont ta’ persuni li għamlu t-test tas-sewqan tat-teorija u l-prattika baqa’ fl-istess ilma tas-snin ta’ qabel. Is-sena l-oħra kien hemm kważi 5,500 (5,493) persuna li ġabu l-liċenzja biex isuqu karozza filwaqt li fl-istess perjodu kien hemm kważi 600 (585) persuna li ġabu l-liċenzja tal-mutur. B’kollox, hawn madwar 236,000 (235,970) persuna li għandhom xi forma ta’ liċenzja ta’ sewqan f’Malta.