Lokali
Operazzjoni mill-Pulizija b’rabta mal-arrest ta’ 4 rġiel f’Birżebbuġa

Investigazzjoni tal-pulizija li kienet ilha għaddejja aktar minn xahrejn, waslet għall-arrest ta’ erba’ rġiel fil-Qajjenza f’Birżebbuġa f’operazzjoni kordinat bejn il-pulizija, is-servizz tas-sigurtà u l-forzi armati. L-irġiel arrestati qed ikomplu jiġu interrogati fuq il-każ tal-bomba li tpoġġiet taħt il-vettura tan-negozjant tal-karozzi Mario Scicluna fil-Fgura fl-4 ta’ Jannar li għada. B’xorti tajba l-bomba dakinhar ma ħaditx.

Triq Sant’Antnin fil-Fgura għaddietha b’waħda nhar l-4 ta’ Jannar meta bomba ma’ karozza ma ħaditx u t-triq skansat dik li setgħet kienet traġedja. Wara ġimgħat ta’ investigazzjonijiet, il-pulizija wasslet għall-arrest ta’ erba’ rġiel, b’rabta ma’ dan il-każ.

Il-Pulizija qalet li l-arresti seħħew fil-Qajjenza waqt operazzjoni konġunta bejn il-pulizija, is-servizzi tas-sigurtà u l-Forzi Armati. Tlieta mill-arrestati huma minn Birzebbuġa u ieħor mix-Xgħajra. L-operazzjoni saret kmieni l-Erbgħa filgħodu. L-operazzjoni tal-Pulizija kompliet ukoll f’garaxx f’Birżebbuġa wara l-venda.

Fi tweets, kemm il-Prim Ministru Joseph Muscat kif ukoll il-Ministru tal-Intern Michael Farrugia kellhom kliem ta’ tifħir għall-operazzjoni konġunta bejn il-forzi tal-ordni u s-sigurtà u li wasslet għall-arrest tal-erba’ rgiel.

Il-każ imur lura għall-Ħamis l-4 ta’ Jannar filgħaxija, meta l-pulizija ssejħu fi Triq Sant’Antnin fil-Fgura minħabba rapport li nstema’ ħoss bħal ta sparatura minn taħt vettura tal-għamla Mitsubishi Pajero. Il-karozza ta’ Scicluna kienet ilha jiem ipparkjata fl-istess post.

F’operazzjoni delikata mit-taqsima tal-isplussiv tal-Forzi Armati tneħħiet il-bomba minn taħt il-vettura ta’ Scicluna, negozjant tal-karozzi. Dakinhar, iċ-ċentru tal-aħbarijiet kien infurmat li parti mill-bomba kienet fil-fatt ħadet, iżda l-isplussiv li kien baqa’ kien għadu perikoluż ħafna. Il-bomba kienet imwaħħla ma’ barra tal-vettura u l-pulizija kkonfermat li l-bomba kienet bi splussiv li aktarx kien TNT.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li l-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta dwar dan l-attentat ġie infurmat bl-aħħar żviluppi.

 

 

Ara wkoll:

AĠĠORNAT 2: Fil-mira ta’ min poġġa l-bomba fil-Fgura jidher li kien hemm negozjant Għawdxi

ARA: Jissoktaw l-investigazzjonijiet fil-bomba tal-Fgura