Lokali
AĠĠORNAT 2 – 3 persuni arrestati wara qabda ta’ 70 kilò droga fl-Għadira

2 irġiel Maltin u Taljana jinsabu arrestati u qed jiġu interrogati mill-Pulizija wara li l-Erbgħa filgħaxija uffiċjali mit-Taqsima ta’ Kontra d-Droga rnexxielhom jagħmlu qabda kbira ta’ droga fl-Għadira.

Minn tagħrif li kiseb tvm.com.mt jirriżulta li wara analiżi li saret matul il-lejl, l-ammont ta’ droga misjuba kien ikkwantifikat b’70 kilogramma.

Ilbieraħ kien irrappurtat kif il-Pulizija nterċettaw dgħajsa li fuqha nstabu dawk li dehru madwar 50 kilogramma kannabis.  Uffiċjali tal-Pulizija skortaw id-dgħajsa lejn ix-xatt u niżlu lill-persuni abbord qrib it-Tunny Net fl-Għadira.

Il-persuni arrestati ttieħdu d-Depot tal-Pulizija għal iktar interrogazzjoni dwar il-każ. L-inkjesta qed titmexxa mill-Maġistrat tal-Għassa Marseanne Farrugia.