Lokali
4 persuni li tħallew fil-kamra mortwarja se jsirilhom funeral tal-foqra

Fil-ġranet li ġejjin, l-awtoritajiet tas-saħħa mistennija jagħmlu funeral tal-foqra lil erba’ persuni, li tlieta minnhom għandhom il-karta tal-identità Maltija li ilhom aktar minn xahrejn abbundannati fil-kamra mortwarja. Ma’ TVM, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, Dr Christopher Barbara fisser kif l-awtoritajiet tal-isptar jagħmlu dak kollu possibbli biex jiġu identifikati l-qraba tal-vittmi qabel ma jsir il-funeral tal-foqra għalkemm saħaq li anke dan isir bid-dinjità kollha mistħoqqha.

Fl-aħħar tliet snin, 42 persuna tħallew abbandunati minn qrabathom fil-kamra mortwarja u ma jkunux ittieħdu għad-difna. F’każi bħal dawn id-Dipartiment tas-Saħħa jorganizza d-dfin tagħhom magħruf bħala l-funeral tal-foqra. Din is-sena diġà saru ħamsa minn dawn il-funerali waqt li fl-2017 saru 16 u s-sena l-oħra saru 21.

L-għada ta’ Santa Marija, id-dipartiment tas-saħħa permezz tal-Gazzetta tal-Gvern ħabbar li fi żmien għaxart ijiem, se ssir id-difna ta’ erbat irġiel li tħallew fil-kamra mortwarja. Tlieta mil-irġiel li ma ngħatawx funeral mill-familja għandhom karta tal-identità Maltija u huma Nazareno Bartolo, Peter Cilia u Peter Charles Cotton u ieħor barrani Bhagwani Kirpalani

Id-Direttur tad-Dipartiment tal-Patoloġija fl-Isptar Mater Dei, Dr Christopher Barbara, qal lil TVM li hemm proċedura f’każ li familja ma turix interess li jidfnuh b’mod privat.

“Il-proċess hu li aħna nżommuh b’dinjità bħas-soltu għall-perjodu ta’ xahrejn. Wara xahrejn u wara li nkunu għamilna l-almu kollu tagħna biex nikkuntattjaw lill-familji biex naraw il-ħsieb tagħhom x’se jagħmlu, nibagħtulhom formalment b’ittra reġistrata fit-tielet xahar.”

Dr Barbara qal li f’każi bħal dawn, l-awtoritajiet jieħdu f’idejhom l-arranġamenti għad-difna li ssir f’parti komuni fl-Addolorata.

“Issir il-quddiesa mill-paroċċa fejn tkun qed toqgħod il-persuna u min irid jattendi jista’. Nagħmlu riċerka ħalli naraw preċiż fejn jista’ jindifen u normalment min ma jkollux qabar isir fil-post fejn issir id-difna komuni”.

Għall-Kap tad-Dipartiment tal-Patoloġija, qal li dawn il-każi huma pjetużi.”Din hija ħaġa lil lilna ttina weġgħa ta’ qalb għax speċjalment dawk li jkunu ġenituri u jkunu għamlu ħajjithom kollha jieħdu ħsieb lil uliedhom. Imbagħad ħafna drabi naraw li meta bniedem jikber il-qraba tagħhom jitlfu l-interess u tibqa’ sejra anke wara l-mewt.”

Dr Barbara spjega li fil-każ ta’ katavri ta’ persuni barranin isir kuntatt mal-ambaxxati jew konsli tal-pajjiż tal-persuna mejta. Qal li jekk jibqgħu ma jiġux identifikati l-qraba, id-difna ssir Malta stess.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar