Kronaka
Fil-11pm illejla se jitressqu 4 persuni l-Qorti

Waqt il-konferenza stampa tal-lum, il-Kummissarju Angelo Gafà qal li għall-ħabta tal-23:00, se jitressqu b’arrest il-Qorti 4 persuni quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq. Dawn il-persuni se jitressqu b’rabta mad-delitt tal-Avukat Chircop bi 2 minnhom se jitressqu b’rabta mad-delitt ta’ Caruana Galizia.

Qal li lbieraħ ġew elevati 2 vetturi li f’waħda minnhom instabu flus kontanti li ammontaw għal aktar minn €50,000 mentri nstabu l-eroina kif ukoll 2 qratas kokaina fil-karozza l-oħra.
Il-Kummissarju qal li fir-residenzi nstabu madwar €20,000, 25 mobile, 2 laptops u tagħmir teknoloġiku ieħor kif ukoll armi tan-nar. Qal ukoll li saret tfittxija fil-baħar għall-arma tal qtil tal-avukat iżda dawn irriżultaw fin-negattiv.
Qal li kemm ilbieraħ u llum il-Pulizija kienet f’kuntatt mas-Supretendent tas-Saħħa u għalhekk il-preżentata se ssir ilejla xħin ma jkunx hemm attività, f’awla 22, spazjuża biżżejjed fejn il-ġurnalisti jistgħu jidħlu.
Dwar il-qtil tal-Avukat Chircop, il-Kummissarju qal li l-proklama ngħatat peress li informazzjoni li rċeviet il-pulizija kienet tikkollabora ma’ evidenza oħra. Qal li l-proklama ngħatat f’dan l-aspett u li l-persuni allegatament involuti f’dan il-każ ukoll setgħu jsaħħu l-każ fil-konfront tal-omiċidju ta’ Caruana Galizia.
Kompla jgħid li wieħed mit-3 arrestati, Jamie Vella, qal li kellu l-Covid-19, u swab test ikkonferma li dan hu minnu. Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika tat eżenzjoni biex tippermeti li jitressaq dan ir-raġel.
Fi tweġiba lill-ġurnalisti, il-Kummissarju Gafà qal li m’hemm ebda evidenza li hemm xi politiku marbut ma’ dawn il-każijiet. Qal li se jitressqu persuni b’kompliċità fil-qtil tal-Avukat Chircop u se jitressqu allegatament mandanti.
Gafà qal li bl-evidenza li hemm kull persuna involuta kemm jekk hix mandant jew kompliċi tinsab arrestata jew imressqa l-qorti.
Segwi hawn:
https://www.facebook.com/TelevisionMalta/videos/1381474045518892