Qorti
4 snin ħabs wara li nqabad 4 darbiet bid-droga

Jason Zammit ta’ 43 sena ġie kkundannat erba’ snin ħabs u mmultat €1,000 wara li ammetta li f’erba’ okkażjonijiet differenti nqabad b’pussess aggravat u traffikar ta’ droga kokaina u eroina.

F’raid li sar mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga f’kamra ta’ lukanda fil-Gżira lura f’April li għadda, Zammit inqabad b’pussess ta’ droga kokaina u eroina li ma kinitx għall-użu personali, €4,000 fi flus kontanti u miżien elettroniku.

Il-Qorti, ippreseduta milll-Maġistrat Francesco Depasquale, semgħet kif nhar is-Sibt li għadda l-Pulizija sabet lir-raġel b’pussess aggravat ta’ kokaina u eroina u €1,500 fi flus kontanti f’raid li għamlet fl-appartament tiegħu fil-Gżira.

F’Mejju u Lulju tas-sena li għaddiet, il-Pulizija wkoll sabet lill-Gżirjan b’pussess ta’ droga kokaina u eroina u €300 fi flus kontanti.

Ir-raġel, li ma jaħdimx, wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih. Il-Qorti ħeġġitu biex waqt li qed jiskonta l-priġunerija jagħmel programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga biex jegħleb il-vizzju.

“Agħmel mezz li tirranaġa ħajtek,” qal b’ton awtorevoli l-Maġistrat Depasquale lill-imputat qabel ħareġ mill-Awla numru 4.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Mark Anthony Mercieca. Għall-akkużat deher l-avukat tal-għajnuna legali Dunston Camilleri.