Stejjer Umani
“4 snin ilu ħajti ħassejtha spiċċat” – Anna Vella

Erba’ snin ilu ħasset bħal dalma kbira, u ma rat ebda futur kawża ta’ sfidi mentali. Iżda llum il-preżentatriċi Anna Vella tgħid li bil-kura u determinazzjoni li tfieq, u appoġġ mill-familja, ħajjitha reġgħet ħadet nifs ġdid. Anna tgħid li huwa faċli li wieħed iħoss sfidi mentali, u tappella biex wieħed ifittex l-għajnuna mill-ewwel.

Lill-preżentatriċi Anna Vella nisimgħuha kull filgħodu f’Carlo’s breakfast Cafe’ fuq Magic Malta, ħafna drabi tiddieħaq u tiċċajta mal-preżentaturi Carlo Borg Bonaci u Gordon Bonello. Ftit tal-jiem ilu, Anna qasmet mas-semmiegħa li 4 snin ilu kellha sfidi mentali. Ma’ TVM Anna tkellmet dwar l-esperjenza tagħha, ta’ kif kellha mumenti ta’ dalma kbira, li saħansitra kienet tagħli għax jisbaħ.

“il-feeling li qisek m’għandekx iktar emozzjoni lejn il-ħajja, qisek tibda tarak li inti żball għal dak kollu li qed jiġri, anki jekk tinkisirlek tazza, dak li jkunx ma jifimhiex…”

Anna qaltilna li ħafna nies meta kienet tgħidilhom li għandha dipressjoni qawwija lanqas biss kienu jemmnuha minħabba li fuq ir-radju dejjem tidħaq.

”Meta naqsam l-esperjenza tiegħi jgħiduli, illallu daqs kemm inti ferriħija, imma fil-verità dawk li jidħqu jkunu l-iktar nies li jżommu ġo fihom u jkollhom bżonn il-motivator…”

Anna qaltilna li importanti li tammetti miegħek innifsek li għandek sfidi mentali.

“Trid tammetti miegħek innifsek li għandek bżonn l-għajnuna, mental illness hija silenzjuża, mhux bħal riħ għax jidher, imma li għandek marda mentali ħadd ma jinduna.”

Anna tgħid li b’determinazzjoni, kura u għajnuna tista’ tfieq.

“Hija fażi, aħdem fuqha, u tista’ tiġi biex tkun tajba miegħek innifsek, staqsi għall-għajnuna, ma fiha xejn ħażin.”

Anna qaltilna li tirringrazzja lil żewġha u lil bintha Sara, lill-qraba u ħbieb u llum tkun ħerqana biex fuq il-breakfast show ta’ Magic Malta, twassal il-ferħ u xi ċajta li tant inaqqsu mill-istress li tagħtina l-ħajja.