Qorti
4 snin u nofs ħabs wara li nstab ħati t’akkużi dwar droga

Sirjan ta’ 26 sena ġie kkundannat 4 snin u 6 xhur ħabs wara li nstab ħati t’akkużi ta’ pussess ta’ pjanta u raża tad-droga kannabis f’ċirkostanzi li juru li ma kinux għall-użu esklussiv tiegħu u li sar riċediv.

AlnaFouri Mohamad Nour ġie kkundannat ukoll iħallas multa ta’ €5,000.

Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri ordnat ukoll lil AlnaFouri Mohamad Nour biex fi żmien sena jħallas l-ispejjeż tal-esperti tal-Qorti li jammontaw għal €4,337 kif ukoll li tinqered id-droga u l-affarijiet relatati magħha.

Mix-xhieda quddiem il-Qorti ħareġ li fl-14 ta’ Marzu 2014, AlnaFouri Mohamad Nour, deher jaħbi xi basket wara ċint f’għalqa fi Triq il-Gejża, Swieqi u li kien fih id-droga.

Il-pulizija wara talba mill-Maġistrat tal-Għassa, elevat il-basket u tefgħet fih biċċiet ħżiena u reġgħu poġġewh fl-istess post. L-għada l-pulizija osservaw lis-Sirjan jiġbor il-basket u jimxi lejn residenza fejn irriżulta li kien joqgħod.

Il-pulizija arrestawh u għamlu wkoll tfittxija fl-appartament minn fejn elevaw aktar droga.

Ara wkoll:

Multa ta’ €3,800 għal Sirjan li nqabad bid-droga u m’obdiex lill-pulizija