Lokali
AĠĠORNAT 2: 2 Maltin arrestati b’rabta mal-vetturi lussużi misruqa mill-Italja

Il-Pulizija Taljana qed tinvestiga 40 persuna fosthom żewġ Maltin fuq suspetti li kienu involuti f’ċirku internazzjonali ta’ serq u traffikar ta’ trakkijiet u vetturi lussużi mill-Italja għal-Libja b’waqfiet f’Malta. Fl-operazzjoni msejħa ‘Coast to Coast’, il-Pulizija ta’ Ragusa fi Sqallija nterċettat telefonati bejn l-Isqallin li allegatament kienu qed jisirqu l-vetturi minn tliet reġjuni fl-Italja u l-Maltin li kienu kompliċi biex il-vetturi jittieħdu l-Libja. Kelliem għall-Pulizija Maltija qal li ma kinux involuti f’din l-operazzjoni iżda jinsabu f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani.

Kriminali Taljani kienu ilhom mill-inqas seba’ snin jisirqu vetturi u trakkijiet kummerċjali l-Italja biex imbagħad ibigħuhom baxx baxx il-Libja. It-tliet ċrieki kriminali involuti kienu qed jużaw diversi portijiet fin-naħa t’isfel tal-Italja fosthom Pozzallo fi Sqallija fejn ġew konfiskati diversi vetturi allegatament misruqa li kienu se jiġu trasfertiti Malta u eventwalment il-Libja. Il-Pulizija Taljana qalet li arrestat 40 persuna – 33 Taljan, erba’ Libjani, żewġ Maltin u Tuneżin – li allegatament kienu nvoluti f’dawn iċ-ċrieki. Il-Pulizija Taljana ħarġet ukoll silta minn telefonata bejn tnejn minnhom – Sqalli u Malti.

Il-Pulizija Stradale ta’ Ragusa qalet li bl-operazzjoni msejħa ‘Coast to Coast’ li fiha kienu involuti 150 Pulizija rnexxielha tissekwestra 36 vettura li għandhom valur totali ta’ miljun Ewro. Il-Pulizija Taljana qalet li bdiet tgħaddi l-vetturi misruqa lis-sidien tagħhom fir-reġjuni ta’ Sqallija, it-Toscana u Emilia Romagna.

Fl-operazzjoni, il-Pulizija Taljana kkonfiskat ukoll diversi oġġetti oħrajn li kienu fil-pussess tal-40 persuna fosthom pjanċi tar-reġistrazzjoni u dokumenti foloz.

Sorsi qalu li l-Pulizija Maltija ma kinitx involuta f’din l-operazzjoni partikolari iżda tinsab f’kuntatt mal-awtoritajiet Taljani. Qalu li fl-aħħar snin t-Taqsima tal-Vetturi Misruqa mmexxija mill-Ispettur Arthur Mercieca bdiet tispezzjona bir-reqqa kull vettura li tidħol jew toħroġ Malta li tkun ġejja minn pajjiż barra l-Unjoni Ewropea.