Barranin
40 lukanda fi Spanja jinbidlu fi sptarijiet ta’ kwarantina

Kwazi l-pajjiżi fil-kontinenti kollha qed jissieltu l-pandemija tal-Coronavirus b’restrizzjonijiet u miżuri fuq l-ivjaġġar u l-movimenti tal-persuni.

Il-pandemija qed titqies bħala l-akbar daqqa għall-kapitaliżmu minħabba l-effetti diżastrużi tagħha fuq l-ekonomija u qed titqies ukoll bħala l-akbar ostaklu għal libertà tal-moviment tan-nisa li f’ħafna pajjiżi la jistgħu joħorġu u lanqas isiefru.

L-imwiet bil-Covid19 globalment diġa qabżu l-ħdax-il elf, u b’ 275,000 infettati bil-virus u qed jiżdiedu bħal-leħħa ta’ berqa.

L-għadd ta’ mwiet fi Spanja jaqbeż l-1,300

Fl-Ewropa Spanja, li huwa it-tieni l-agħar pajjiż milqut wara l-Italja, s’ issa rrapporta iżjed minn 20,000 każ u l-għadd ta’ fatalitajiet qabeż l-1,300, żieda ta’ 324 każ fl-aħħar 24 siegħa. Biex jissieltu l-imxija tal-virus, l-awtoritajiet sejħu għax-xogħol lill-ħaddiema fil-kura tas-saħħa li kienu rtirati, u studenti tal-mediċina.

F’Madrid, erbgħin lukanda qed jipprovdu disat elef sodda għal pażjenti biex jinżammu f’ kwarantina f’każi li m’humiex akuti. Spanja ilha taħt stat ta’ emerġenza għal ġimgħa, b’uffiċjali tal-pulizija jagħmlu r-ronda biex jassiguraw li l-Ispanjoli ma joħorġux, ħlief għal ħtiġijiet bażiċi.

Postijiet ta’ divertiment fir-Renju Unit jagħlqu l-bibien

Fir-Renju Unit, l-istabbilimenti tad-divertiment, kafetteriji ristoranti, pubs u bars għalqu l-bibien tagħhom wara ordni li daħlet fis-seħħ mill-għaxra tal-bieraħ filgħaxija.

S’ issa kien hemm 4,000 każ ta’ Covid-19 ikkonfermati fir-Renju Unit. L-awtoritajiet kellhom taħditiet mas-sidien tas-supermarkets, hekk kif ix-xiri panikuż qed iwassal għal skarsezzi ta’ provvisti essenzjali.

Irduppjaw l-imwiet fil-Portugall

Fil-Portugall il-persuni li tilfu ħajjithom bil-virus irduppjaw minn lejl għal nhar, bi tnax-il fatalità fl-aħħar ftit sigħat. L-għadd ta’ persuni infettati tela’ għal kwzi 1,300. 35 persuna jinsabu fit-taqsima tal-kura intensiva minħabba kumplikazzjonijiet li żviluppawhom. Il-President tal-Portugall, Marcelo Rebelo de Sousa, iddikjara stat ta’ emerġenza nhar l-Erbgħa.

L-istat tal-Bavarja b’restrizzjonijiet iktar ħorox

Fil-Ġermanja, l-għadd ta’ infezzjonijiet tela’ għal kważi 20,000 u l-għadd ta’ imwiet tela’ għal 31. Il-Bavarja, li huwa l-iżjed stat popolat fin-nofsinhar tal-Ġermanja, impona curfew u daħħal restrizzjonijiet iżjed ħorox, fosthom biex ir-residenti joqgħodu d-dar u joħorġu biss f’każi eċċezzjonali.

Il-Gvern Franċiżi jgħaddi liġijiet ta’ emerġenza

L-awtoritajiet Franċiżi komplew jimponu lockdown għal ħames jum konsekuttiv fi sforz biex l-imxija tal-virus issir b’mod ikkontrollat. S’issa tilfu ħajjithom iżjed minn 450 persuna. Il-Gvern għadda liġijiet ta’ emerġenza li jagħtuh iżjed poteri biex jindirzza l-impatt tal-kriżi fuq l-ekonomija. Il-poplu kien imsejjaħ ukoll biex ma jivvjaġġax u kemm jista’ jkun joqgħod id-dar.

L-infettati fl-Istati Uniti jitilgħu għal 19,000

Fl-Istati Uniti, hemm 19,000 każ ikkonfermat u mietu 244 persuna bil-virus. L-awtoritajiet f’diversi stati komplew iħarrxu l-prekawzjonijiet u wieħed minn kull ħamsa fl-Istati Uniti ġew ordnati li jibqgħu fi djarhom.

Il-Ġordan jibda curfew, Singapore bl-ewwel imwiet

Fil-Ġordan, is-sireni fil-kapitali Amman immarkaw il-bidu ta’ curfew nazzjonali bil-għan li tkun kkontrollata l-imxija tal-virus. Il-militar Ġordaniż qed jimplimenta l-miżuri li se jibqgħu fis-seħħ b’mod indefinit u kull min jinstab li kiser ir-regolamenti jista’ jeħel sa sena ħabs.

Il-Ġordan għalaq ukoll l-fruntieri tal-art u l-baħar mas-Sirja, l-Iraq, l-Eġittu u Iżrael. Il-ministru tas-saħħa sa issa ikkonferma 85 każ, bi ħmistax-il-każ ġdid fl-aħħar ftit sigħat.

U Singapore irrapporta l-ewwel żewġ imwiet mill-Covid19 wara xhur jissielet il-virus b’miżuri stretti.

Aħbarijiet Oħra
COVID-19

Ħames persuni nqabdu jiksru l-kwaraninta obbligatorja u ġew immultati tliet elef ewro kull wieħed. B’kollox saru 421 spezzjoni fl-aħħar 24 siegħa. Minn mindu bdew l-ispezzjonijiet, 40 persuna nqabdu jiksru l-kwarantina…

COVID-19

Intervistat fuq l-aħbarijiet ta’ Television Malta l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qal li l-Prim Ministru Robert Abela għal xi raġuni qiegħed jgħid li dan mhuwiex lockdown, meta fi kliemu, id-Deputat Prim…

COVID-19

Fi żmien ta’ ansjetà residenti ta’ triq fil-Fgura ħarġu bl-idea li jorganizzaw ċelebrazzjoni mużikali mill-gallariji biex iferrħu lil xulxin. U waqt li l-festi din is-sena mhux ser isiru, il-bandisti ta’…

COVID-19

Analiżi xjentifika mill-istatistiku Dr Vincent Marmara tal-każi tal-coronavirus fil-kuntest tal-miżuri meħuda mill-awtoriajiet tas-saħħa Maltin, tagħti stampa inkoraġġanti għax ir-rata ta’ infezzjonijiet minn persuna għall-oħra tbaxxiet. Iżda, Dr Marmara wissa’ li…

Aktar