COVID-19
“40% tal-każijiet tal-Covid-19 huma tal-varjant mir-Renju Unit” – id-Deputat Prim Ministru

Intervistat f’TVAM dalgħodu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li kważi 40% tal-każi ġodda tal-Covid-19 huma tal-varjant mir-Renju Unit li jinxtered ħafna aktar malajr

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal kważi 40 fil-mija tal-każi ġodda tal-Covid-19 qed ikunu l-varjant tar-Renju Unit. Qal li dak li qed jiġri f’Malta jsegwi dak f’pajjiżi oħra, iżda aktar tard.

“L-aħħar riżultati li għandna minn dawn il-ġranet juru li kważi 40% tal-każijiet ġodda huma minħabba l-varjant. U l-varjant iwassal biex il-mikrobu jinxtered aktar malajr.”

Intervistat fil-programm TVAM, Dr Fearne qal li mhu pjaċir ta’ ħadd li kellhom jiddaħħlu aktar miżuri fosthom li f’dar privata ma jistgħux jinġabru nies ġejjin minn aktar minn erbat idjar differenti. Saħaq iżda li għalissa hekk hemm bżonn isir. Qal li l-effett tal-miżuri li daħħlu fis-seħħ il-ġimgħa li għaddiet mistenni jibda jinħass fil-jiem li ġejjin.

“Ġeneralment minn sitt ijiem sa ġimgħa wara li nkunu daħħalna l-miżuri nibdew naraw l-ewwel effett tagħhom. Qed nistennew li f’dawn il-ġranet in-numru ta’ każijiet ġodda jistabilixxu, ma jibqgħux iżidu.”

Dan jorbot ukoll mal-programm nazzjonali ta’ tilqim, li qal kif mexjin l-affarijiet għandu jħalli effett ukoll fuq it-trażżin tal-virus.

“Aħna llum se nkunu lħaqna l-100,000 doża mill-vaċċin se nkunu tajna 100,000 doża lill-poplu Malti u Għawdxi. Terz minnhom imbagħad kważi 35,000 pesuna li ħadu t-tieni doża wkoll.”

Dr Fearne qal li din il-ġimgħa, l-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini mistennija tapprova r-raba’ tilqima, dik manifatturata minn Johnson & Johnson, li għandu l-vantaġġ li persuna tieħu doża waħda biss/ Qal li minn din it-tilqima, Malta ordnat kwart ta’ miljun doża.

Il-Ministru għas-Saħħa qal ukoll li din il-ġimgħa se jinfetħu żewġ ċentri oħra għat-tilqim, fil-kapmus tal-MCAST f’Kordin u ieħor f’Għawdex. Dr Fearne appella għar-responsabilità minn kulħadd.

“Li tmur fejn ikun hemm ħafna nies, issa jkunx ġo bar, ikunx ġo każin, ikunx il-bandli, ikunx picnic huwa ħażin. Aħna qegħdin nirrakomandaw, kemm jista’ jkun wieħed joqgħod man-nies tal-familja tiegħu. Nifhmu li wieħed ma jistax strettament ma jkollux ħajja soċjali żgħira u allura qed ngħidu nillimitaw imma mhux naqtgħu kompletament il-kuntatt soċjali.”

Temm jgħid li dawn is-sagrifiċċji mhumiex eterni iżda sakemm it-tilqim iħalli biżżejjed effett fil-komunità. Qal li l-effett tat-tilqim fuq l-anzjani ta’ il fuq minn 80 sena u l-frontliners diġà qed jidher għax mhumiex jidħlu l-isptar morda serjament bil-coronavirus u l-imwiet mhumiex ikunu minn dawn il-gruppi.