Minn Jannar 4,000 familja se jibbenefikaw mill-ikel tal-Ewropa

Mal-4,000 familja li huma fil-bżonn, mill-bidu tas-sena l-ġdida se jingħataw ikel b’xejn minn proġett tal-Unjoni Ewropea. Il-proġett FEAD ko-finanzjat minn fondi Ewropej ser jitħaddem mil-Fondazzjoni għas-Servizz tal-Ħarsien Soċjali

Michael FarrugiaWara li fi Frar li għadda waqaf it-tqassim tal-ikel tal-Unjoni Ewropea lil familji fil-bżonn, il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Farrugia, ħabbar li dan ser jerġa’ jibda minn Jannar. Hu qal li 4,000 familja ser ikunu intitolati għal din l-għajnuna. Dr Farrugia spjega li għal kuntrarju tal-programm preċedenti l-ikel mhux se jitqassam mil-parroċċi, iżda mill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali.

Il-Ministru Farrugia qal li biex ma jkunx hemm abbużi, il-familji intitolati għall-għajnuna ser ikunu infurmati b’ittra. Qal li l-Unjoni Ewropea se tagħmel awditjar ta’ dan il-programm u jekk jinstabu xi diskrepanzi tista’ twaqqaf il-programm.

“Hemm ftehim bejn il-Ministeru u l-Unjoni Ewropea kif se jkun it-tqassim tal-ikel u dak it-tqassim se jkun awditjat ukoll minn persuni rappreżentanti mill-Unjoni Ewropea. Dan se jsir apposta biex affarjiet li ġraw fil-passat ma jiġux ripetuti fil-futur qrib,” qal il-Ministru Farrugia.

Dan il-programm ta’ għajnuna ta’ ikel se jibqa’ sejjer sal-2020 b’finanzjament ta’ €4.6 miljun. Minnu ser jibbenefikaw erba’ kategoriji ta’ familji meqjusa li huma l-aktar fil-bżonn ta’ din l-għajnuna… familji li jirċievu benefiċċji mhux kontributorji li għandhom żewġt itfal jew aktar taħt is-16-il sena, familji li għandhom żewġt itfal jew aktar li għandhom dħul ta’ inqas min 80% tal-Paga Minima Nazzjonali, familji li għandhom żewġt itfal jew aktar li għandhom dħul li ma jaqbiżx il-paga minima u familji mhux single li jircievu pensjoni għal anzjanita mhux kontributorja.