42 karozza kklampjati fl-Univeristà

Mal-bidu tas-sena akkademika l-ġdida fl-Universitá, feġġet b’aktar intensitá l-problema tan-nuqqas ta’ postijiet ta’ parkeġġ għall-istudenti u l-ħaddiema fil-kampus tal-Università. Madankollu kif skopra tvm.com.mt, dan mhux iżomm lill-istudenti milli jmorru għal-lectures bil-karozza privata tagħhom iżda ħafna qed jipparkjaw f’lokalitajiet qrib l-Università.

Is-Swatar, il-Kappara, l-Imsida u saħansitra San Ġwann saru l-postijiet alternattivi għall-istudenti biex iħallu l-karozza tagħhom meta jmorru l-Università minħabba li l-parkeġġi tal-Università huma dejjem mimlija daqs bajda u qajla jsibu post biex jipparkjaw fil-kampus stess. Ir-residenti ta’ dawn il-lokalitajiet u l-istudenti Universitarji spiċċaw jikkompettu ma xulxin għal postijiet ta’ parkeġġ f’dawn il-lokalitajiet li għalkemm mhux ‘il bogħod mill-Università lanqas tista’ tgħid li huma tefgħa ta’ ġebla biss bogħod mill-kampus.

Krew ta’ tvm.com.mt qatta’ ftit ħin josserva l-istudenti li wara li ħallew il-karozzi tagħhom fis-Swatar kellhom jaqsmu l-by pass traffikuża ta’ erba karreġġjati fejn lanqas qatt ma kienu maħsuba żebra crossings jew pont biex wieħed jaqsam triq bħal din mingħajr periklu.

Il-Kappara wkoll spiċċat żona ta’ parkeġġ għall-istudenti.

Oħrajn ma ddejqu xejn jieħdu ċans fil-kampus l-università, b’uħud sabu karta ta’ twissija mal-windscreen għax ma kinux ipparkjati kif suppost. Mill-1 ta’ Ottubru diġà ġew kklampjati 42 karozza fil-kampus tal-Università li tfisser multa ta’ €23 ewro kull waħda.

Fl-Università hemm 680 parkeġġ għall-istudenti, 522 għall-ħaddiema fl-amministrazzjoni u viżitaturi, kważi 300 għall-akkademiċi u 12 għall-persuni b’diżabiltà.

Ikkuntattjat minn Television Malta, kelliema għall-Università tenniet l-appell biex l-istudenti jużaw it-trasport pubbliku jew għallanqas jorganizzaw it-trasport tagħhom b’mod li jonqos l-użu tal-vetturi privati.  Dwar il-possibiltà li jkun hemm sistema ta’ park and ride, il-kelliema qalet li din teħtieġ ippjanar serju.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Koppja li ftit tax-xhur ilu adottat tifel mill-Indja esprimiet il-ferħ tagħha fuq is-siti soċjali, kif ukoll wasslet messaġġ biex it-tfal jiġu mgħallma iktar dwar id-diversita’, b’mod partikolari mill-ġenituri stess. Biex…

Kronaka

Viżibilment taħt xokk, Joseph Attard li lbieraħ kien fil-mira tal-ħalliel fil-ħanut tiegħu f’Ħaż-Żabbar, irrakkonta ma’ TVM kif hu, flimkien ma’ żewġt iħbieb tiegħu rreżistew il-ħalliel li anke spara b’arma tan-nar….

Kunsilli Lokali

Il-kunsilli ser ikollhom pubblikazzjoni maħsuba apposta biex tgħinhom jiksbu fondi addizzjonali minn programmi tal-Unjoni Ewropea. Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej u DAaron Farrugia u s-Sur Parnis. Iż-żewġ Segretarji Parlamentari,…

Kronaka

Kuntistabbli tal-Pulizija stazzjonat fl-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga llejla ngħata l-kura fl-isptar wara li sofra xi ġrieħi waqt il-qadi ta’ dmirijietu. Il-każ ħareġ fil-pubbliku permezz ta’ post fuq il-paġna ta’ facebook…

Aktar