COVID-19
42 stabbiliment tal-ikel instabu qed jiksru l-miżuri – 3 minnhom ingħalqu x-xahar li għadda

It-taqsima tal-infurzar tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, ix-xahar li għadda sabu li tnejn u erbgħin stabbiliment tal-ikel kienu qed jiksru r-regolamenti kontra l-imxija tal-Covid – fost oħrajn li kienu għadhom miftuħa bin-nies wara l-ħdax ta’ filgħaxija jew li ma kinux qed josservaw id-distanza. Tliet stabbilimenti ngħalqu għax nstab li kisru r-regolamenti għal diversi drabi.

Tliet stabbilimenti tal-ikel, ix-xahar li għadda ngħalqu wara li spezzjonijiet tal-Awtorità tat-Turiżmu sabuhom għal aktar minn darba jiksru r-regolamenti biex titrażżan l-imxija tal-coronavirus.

Fi żjara lill-ħaddiema ta’ din l-awtorità, il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, qal li fi Frar biss saru ‘l fuq minn 10,500 spezzjoni fi stabbilimenti f’Malta u Għawdex.

”Matul dan iż-żmien hemm 22 stabbiliment li nstabu li kienu qed jiksru l-għeluq tal-ħdax ta’ filgħaxija u kien hemm 20 stabbiliment ieħor li kienu qed jiksru l-protokolli – kontra dawn ħarġu multi u f’ċerti każi ttieħdu wkoll azzjonijiet legali.”

Il-kap eżekuttiv tal-Awtorità tat-Turiżmu, Johann Buttigieg spjega li mindu faqqgħet il-pandemija l-ħidma tal-awtorità nbidlet kompletament.

”Filli konna qegħdin fi rwoll li nattiraw it-turisti u llum kważi aħna l-kontrolluri tal-istabbilimenti tal-catering. Ovvjament qegħdin kemm jista’ jkun ngħallmu lill-istabbilimenti tal-ikel imma fl-istess ħin issa qegħdin fil-fażi fejn mhux iktar fażi ta’ ta’ tagħlim imma fażi ta’ infurzar.”

Mistoqsi dwar l-aspettativi għas-sajf, il-Ministru Bartolo qal li s-sitwazzjoni qed tiġi segwita ġurnata b’ġurnata, bl-għan jibqa’ li l-pajjiż joħroġ mill-pandemija mill-aktar fis u b’hekk it-turist iħares lejn Malta bħala pajjiż li jista’ jżur.

Qal li l-istrateġija tal-Awtorità se tinbena fuq il-konnettività lejn Malta biex ikun żgurat li t-turisti jkollhom konnetività tajba biżżejjed biex ikunu jistgħu jagħmlu hekk. Hu ħeġġeġ lil-lukandi u ristoranti li għandhom jagħmlu xi xogħol jagħmluh issa biex malli jonqsu r-restrizzjonijiet jkunu fuq quddiem biex jagħtu servizz lit-turisti.