Lokali
42% tal-adulti ngħataw l-ewwel doża tat-tilqima

Bit-tilqim li ngħata f’Malta llum, issa qabżu l-kwart ta’ miljun d-dożi li ngħataw. Fil-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija fil-Berġa ta’ Kastilja, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li 42% tal-adulti f’Malta ngħataw l-ewwel doża tat-tilqima; waqt li l-iskejjel se jkunu qed jiftħu l-bibien tagħhom b’86% tal-għalliema u l-istaff imlaqqmin bl-ewwel doża.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta hija fost l-aqwa fid-dinja li qed jilqa’ għall-pandemija bl-aħjar mod. Filwaqt li qal it-tnaqqis fil-miżuri qed jaħsbu biex tingħata projorità lis-saħħa, l-edukazzjoni u l-anzjani, Dr Abela appella biex ħadd ma jillaxka mill-miżuri restrittivi li qal għadhom fis-seħħ.

Filwaqt li wera apprezzament għall-impenn li qed juru l-frontliners fit-trażżin tal-pandemija, il-Prim Ministru saħaq fuq il-ħtieġa li kulħadd jibqa’ jagħmel sagrifiċċju sakemm noħorġu minn din is-sitwazzjoni. Dr Abela serraħ ras lin-negozji li l-Gvern se jibqa’ jagħtihom s-sostenn meħtieġ.

“Lil dawn in-negozji li qed nitolbuhom sagrifiċċju ta’ ftit ġimgħat oħra se nibqgħu nagħtuhom l-għajnuna. Mal-mument li jiftħu naħsbu biex il-pubbliku jibda jirċievi t-tieni round ta’ vouchers, qed nitkellmu aktar minn €45 miljun f’vouchers, sabiex dawn jistgħu jibdew jintefqu f’dawn in-negozji.”

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li n-numru ta’ pazjenti rikoverati fl-isptar Mater Dei, sa nofs Marzu kienu 140 persuna u sal-bieraħ niżlu għal 41. Fit-taqsima tal-kura intensiva, il-Ministru Fearne qal li sa nofs Marzu kien hemm 31 persuna u sal-bieraħ niżlu għal 8 pazjenti li għadhom infettati bil-Covid, filwaqt li 7 oħra m’għadx għandhom Covid iżda għadhom qed jingħataw il-kura meħtieġa. F’Għawdex qal li f’nofs Marzu kien hemm 5 persuni fl-ITU u sal-bieraħ kien hemm persuna waħda.

Id-Deputat Prim Ministru qal li sallum 42% tal-adulti f’Malta ngħataw mill-anqas doża waħda tat-tilqima. Dwar l-għalliema u l-istaff fl-iskejjel, il-Ministru Fearne qal li ntbagħtu 21,000 invit u minnhom, ħadu t-tilqima 18,200 li jfisser li 86% tal-għalliema u l-istaff fl-iskejjel mhux mlaqqma b’minn tal-anqas l-ewwel doża.

Qal li fejn jidħol il-programm ta’ tilqim, il-pajjiż jinsab f’pożizzjoni aħjar milli kien qed jipprevedi. Qal li sa ftit ġranet qabel l-aħħar ta’ April, se jkunu ingħataw it-tilqima, il-persuni kollha li għandhom aktar minn 60 sena kif ukoll il-persuni vulnerabbli. Wara, tingħata bidu għall-fażi li jmiss li se tkun differenti.

“Fis-sens li minflok se nibagħtu l-inviti fl-indirizz tan-nies personali se nkunu qed niftħu skont etajiet li nkunu qed inħabbru reġistrazzjoni online biex persuna tkun tista’ tapplika.”

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, il-Professur Charmaine Gauci qalet li d-deċiżjonijiet kollha li ttieħdu huma bbażati fuq ix-xjenza u qed isir monitoraġġ kontinwu ta’ kif qed tiżviluppa s-sitwazzjoni f’Malta.

“Jekk aħna se nirrilaxxaw miżuri u naraw li dik qiegħda tikkaġuna żieda fil-każijiet, jew aktar każijiet li qed jidħlu l-isptar speċjalment l-ITU, hemmhekk aħna se nkunu qed naraw x’ikun hemm bżonn u jekk hemm bżonn terġa’ tmur lura fl-issikkar tal-miżuri.”

Qalet li kull rakkomandazzjoni tfasslet fuq l-assessjar ibbażat fost oħrajn fuq id-distanza soċjali, jekk l-attività ssirx barra jew ġewwa u l-ilbies tal-maskri fost oħrajn.