Edukazzjoni
43% tal-immigranti f’Malta li twieldu barra l-UE huma gradwati

Persuna minn kull tlieta li twieldet barra l-UE u li qed tgħix u taħdem f’wieħed mill-istati membri hija gradwata.

Dan jirriżulta minn ċifri ppubblikati mill-Eurostat li ħa konsiderazzjoni tal-persuni li għandhom bejn il-25 u l-54 sena u li huma gradwati kemm jekk twieldu fl-UE kif ukoll jekk twieldu barra l-istati membri.

F’Malta l-persentaġġ tal-gradwati li ġejjin minn xi pajjiż ieħor tal-UE u dawk li ġejjin minn barra l-UE huwa għola minn ta’ dawk li twieldu hawn.

Fil-fatt huwa ikkalkulat li f’Malta 30% ta’ dawk li għandhom bejn 25 u 54 sena huma gradwati.

Minn dawk li twieldu f’pajjiż barra l-UE huma 43% li huma gradwati waqt li minn dawk li twieldu f’pajjiż ieħor membru 48% huma gradwati.

B’mod ġenerali fl-UE l-persentaġġ ta’ dawk li twieldu fil-pajjiż fejn jgħixu u li huma gradwati huwa għola minn dak ta’ persuni li ġejjin minn xi stat ieħor membru u minn dawk li ġejjin minn barra l-UE.

Ir-Rumanija għandha l-ikbar persentaġġ ta’ gradwati li twieldu barra l-UE, il-Polonja l-ikbar persentaġġ ta’ gradwati u li twieldu f’xi pajjiż ieħor tal-UE waqt li Ċipru għandu l-ibar persentaġġ ta’ gradwati li twieldu fil-pajjiż.