Lokali
47 proġett b’investiment ta’ €77 miljun se jħaddmu aktar minn 1,000 ħaddiem ġdid – il-Ministru Dalli

Fl-aħħar 16-il xahar il-Gvern ġab f’Malta b’kemm jiswa €77 miljun f’kapital barrani investit f’47 proġett ġdid u li se jħaddmu aktar minn 1,000 ħaddiem gdid.

Dan tħabbar mill-Ministru għall-Enerġija, l-intrapriża, u l-iżvilupp sostenibbli Miriam Dalli meta ressqet fil-Parlament abbozz ta’ liġi dwar il-promozzjoni ta’ negozji.

Il-Ministru Dalli tat rendikont tal-ħidma tal-Malta Enterprise u ta l-għajnuna finanzjarja li tagħti bl-iskemi tagħha. Hija qalet li barra minn dawn il-proġetti ġodda, se jinħolqu 462 impieg ġdid b’investiment ta’ €19-il miljun minn 19-il kumpanija stabbiliti f’Malta u li qed jestendu l-ħidma tagħhom.

Il-Ministru għall-Intrapriża qalet li tul il-pandemija ngħataw għajnuniet ta’ €500 miljun lil 17,500 negozju jew kumpaija biex ġew salvati 100,000 impieg. Hija żiedet tgħid li l-mudell ekonomiku ġdid li l-gvern qed idaħħal fil-pajjiż huwa mibni fuq is-sostenibbilità, fuq impiegi b’pagi tajbin u li l-ħaddiema jkunu vvalorizzati. Hija temmet tgħid li l-Gvern qed juża niċeċ godda bħala s-sisien ta’ din il-ħidma ekonomika.

Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għan-negozji ż-żgħar Edwin Vassallo għamel sejħa lill-Gvern biex jindirizza l-prijoritajiet tan-negozji żgħar. Huwa qal li minħabba l-pandemija, ħafna minnhom għandhom problemi ta’ likwidità. Għalhekk talab lill-Gvern biex jagħti għotja ta’ flus lil dawn in-negozji biex jibdew mill-ġdid.

Id-deputat Vassallo staqsa xi programmi ta’ restart hemm imħejija għas-sidien tar-ristoranti, sole traders u s-settur tal-bejgħ bl-imnut. Huwa qal li hemm nuqqas ta’ komunikazzjoni ma’ dawn is-self employed ħlief għal Business First. Ilmenta wkoll illi l-Gvern qed jgħin lill-kumpaniji iżda qed jinjora s-sidien tan-negozji żgħar u lil dawk li jaħdmu għal rashom. Huwa qal li n-negozji żgħar qed jaħdmu f’ekonomija li ċkienet aktar mill-medja Ewropea.