COVID-19
49 każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta, ifiqu 5 persuni

Il-Ministeru għas-Saħħa kkonferma li fl-aħħar 24 siegħa ħarġu 49 każ ġdid ta’ Coronavirus f’Malta u fiequ 5 persuni. B’din iż-żieda issa l-każijiet attivi jitilgħu għal 311 bin-numru total ta’ swab tests li saru fl-aħħar ħin kienu 1,717. Fost il-każi ġodda hemm anzjan ta’ 84 sena li kien resident f’dar tal-anzjani, u li minħabba kundizzjonijiet mediċi oħra, ma jinsabx f’qagħda tajba ta’ saħħa. Instab ukoll tifel jew tifla infettat, li kien jattendi Skola sajf, bil-Professur Gauci assigurat li qed isir kuntatt kemm mal-ġenituri tat-tfal u anki mal-għalliema biex ikunu nfurmati bil-każ. Mistoqsija dwar iktar dettalji dwar il-każijiet, il-Professur Gauci qalet li ħadd mid-49 każ ma kien jifforma parti minn gruppi ta’ persuni oħra nfettati magħrufa diġà. Spjegat li llum huwa t-tieni l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda, bl-ogħla qatt irreġistrat kien f’April, bi 52 każ.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci spjegat li fost il-każijiet li kellna kien hemm min kien bla sintomi, oħrajn b’sintomi ħfif u oħrajn kellhom jiddaħħlu l-isptar. Prof Gauci qalet bħalissa hemm 4 każijiet fl-IDU Mater Dei, fejn hemm anzjan ta’ 84 sena li mhux f’qagħda tajba, anke minħabba li għandu mard ieħor. Hemm erba’ persuni oħra fl-Isptar San Tumas u seba’ oħra fl-Isptar Boffa.

Qalet li s-sitwazzjoni ta’ bħalissa, minħabba li n-nies qed toħroġ, hemm iktar possibiltà li n-nies ikunu flimkien. Għaldaqatant hemm numru ta’ clusters li żiedu l-każijiet tal-COVID-19, fosthom il-party f’lukanda li hemm cluster ta’ 20, ieħor tal-festa ta’ Santa Venera li hemm cluster ta’ 33. Cluster ieħor huwa ta’ bars f’Paceville li fih 33 persuna.

Prof Gauci spjegat li hemm każijiet oħra marbuta mal-istudenti li jiġu jitgħallmu l-lingwi u ftit każijiet fost it-tfal li jattendu Skolasajf.  Kompliet tispjega li hemm każijiet sporadiċi fejn jeżistu każijiet li ma tistax issib minn fejn ħadu l-infezjoni u saħqet li għalhekk hemm bżonn kontroll fil-komunità. Spjegat ukoll li l-maġġorparti tal-każijiet tal-COVID-19 huma fost etajiet żgħar.

Tkellmet dwar l-importanza tat-testijiet u fakkret li se jinfetħu 2 swabbing centers fil-komunità biex tintlaħaq id-domanda għat-testijiet. Spjegat li dawn iridu jkunu katina mal-laboratorji u għalhekk żdiedu x-xjentisti fil-laboratorji sabiex ir-riżultat joħroġ f’ħin qasir. Dwar il-helpline 111, Prof Gauci qalet li dan is-servizz ġie msaħħaħ ukoll.

Sabiex jiġu protetti l-vunerabbli, Prof Gauci spjegat li fid-djar tal-anzjani, il-viżti se jsiru minn wara l-perspex. Qalet li mhux se jsiru avvenimenti tal-massa. Dwar avvenimenti żgħar qalet li hemm regoli ġodda fosthom persuna għal kull 4 metri kwadri, massimu ta’ 10 persuni flimkien u dawk l-avvenimenti ‘l fuq minn 100 persuna jrid isir assessjar. Qalet li kbir kemm hu kbir il-post, fuq ġewwa jista’ jkun hemm sa 100 persuna u barra sa 300. Dance floor ma jistax ikun hemm. Qalet li hu importanti li meta jkun hemm avveniment jinżammu d-dettalji ta’ min jattendi.

Prof Gauci qalet li se jkun hemm aktar infurzar u appellat lill-pubbliku biex jikopera. Tkellmet ukoll dwar l-ilbies tal-maskri u qalet li mil-lum se joħroġ avviż legali li jpoġġi l-obbligu tal-ilbies tal-maskra. Fakkret li bl-ilbies tal-maskra tipproteġi lilek innfisek. Min ma jilbishiex jeħel multa ta’ €50. Fakkret li min ikollu sintomi joqgħod id-dar u jċempel il-111.

Il-Professur Gauci qalet li r-riperkussjonijiet tal-avvenimenti tal-masses li saru għad irridu narawhom. Dan qalitu fid-dawl taż-żmien li l-mikrobu jaf jieħu sakemm jaħkem lill-pazjent.

OFFICIAL COVID-19 figures for 07•08•2020Chris Fearne | MaltaGov | Health Promotion and Disease Prevention Directorate

Gepostet von saħħa am Freitag, 7. August 2020

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar