Lokali
50 persuna bla saqaf fuq rashom jingħataw kenn f’Dar Padova f’Għawdex

Fl-ewwel xhur tal-pandemija, madwar 50 persuna vulnerabbli li ma kellhomx saqaf fuq rashom f’Malta ingħataw kenn f’Dar Padova f’Għawdex. Din kienet waħda minn ħafna sitwazzjonijiet soċjali li indirizzat il-Fondazzjoni għas-Servizz ta’ Ħarsien Soċjali li toffri kullana ta’ servizzi fosthom fil-ħarsien tat-tfal, appoġġ f’każi ta’ vjolenza domestika u vittmi tal-abbuż tad-droga.

Is-sena l-oħra, il-Fondazzjoni ġie allokata somma rekord ta’ €24 miljun mill-Gvern biex tat servizz lil aktar minn 19,000 klijent.

Dar Padova f’Għajnsielem fl-eqqel tal-pandemija nbidlet f’dar residenzjali għall-persuni li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, Alfred Grixti, qal li Għawdex salva lil Malta minn dik li sejjaħ kriżi ta’ nies li jorqdu barra. Spjega li 50 persuna minn Malta ntbagħtu f’Dar Padova f’Għawdex għax bħala prevenzjoni mill-firxa tal-virus ix-xelters f’Malta ma baqgħux jilqgħu nies ġodda.

“Bdilnieha minn night shelter għal homeless shelter bl-isolation room biex tilqa’ lil min jiġi minn Malta sakemm inkunu ċerti hu safe jiġifieri hemmhekk kellna madwar 50 persuna homeless li kienu qegħdin f’Dar Padova.”

Is-Sur Grixti qal li fl-ewwel sena tal-pandemija l-ħaddiema soċjali tal-FSWS irnexxielhom jeliminaw il-lista ta’ stennija tal-vittmi tal-vjolenza domestika. Huma kienu ta’ spalla għal dawn il-vittmi fosthom anki t-tfal billi ngħataw saqaf fuq rashom f’xelters apposta. Il-professjonisti komplew jassistuhom waqt is-smigħ tal-kawżi fil-Qrati.

L-impenn tagħhom li ma jħallux każi pendenti biex kemm jista’ jkun il-vittmi nassumi li għamlu xahrejn, tliet xhur jgħixu b’ansjetà u ma kellhomx fejn jirrikorru, jiġu moqdija mal-ewwel.

Fil-preżentazzjoni tar-rapport annwali ta’ ħidma għall-2020, il-Kap Eżekuttiv tal-FSWS qal li s-sena li għaddiet kien hemm iktar minn 19,000 persuna li ħabbtu l-bibien tal-Fondazzjoni għall-għajnuna. Iktar minn nofshom kienu nisa. Is-Sur Grixti qal li minkejja l-pandemija diversi servizzi tal-FSWS baqgħu joperaw b’mod normali fosthom servizzi relatati mal-protezzjoni tat-tfal u mal-abbuż tad-droga.

Il-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali, Michael Falzon, qal li s-sena l-oħra l-FSWS gawdiet mill-akbar investiment mill-Gvern li kien jammonta għal iktar minn €24 miljun, żieda ta’ tliet miljun Ewro u nofs f’sena. Il-Ministru Falzon qal li mid-diskussjonijiet mal-għaqdiet fil-qasam soċjali bi tħejjija għall-budget tas-sena d-dieħla, qed tispikka iżjed il-pjaga tas-solitudni. Hu nnota li għal kontra ta’ pajjiżi oħrajn, Malta ma ratx żieda ta’ suwiċidji waqt il-pandemija.