Reliġjon
50 sena mill-ewwel missjoni tal-MSSP fil-Perù

Fil-Prelatura ta’ Chuqubamba fil-Perù, l-ewwel tliett missjunarji; Fr Anton Camilleri, Thomas Soler u Vincent Magro, bdew ix-xogħol pastorali tagħhom fil-paroċċa ta’ Aplao 180km bogħod minn Arequipa u 1,024km minn Lima. F’dan il-post hemm ħafna diffikultajiet, fosthom ħafna faqar, ikel mhux diċenti u distanzi, residenzi mingħajr ilma u dawl, toroq ħżiena u bosta inġustizzji soċjali.

Fr Vincent Magro qal li fil-medda ta’ dawn il-ħamsin sena, il-Missionary Society of St Paul’s Oratory (MSSP) irnexxielha tibni skejjel primarji kif ukoll sekondarji biex tiggarantixxi edukazzjoni lit-tfal kollha, kappelli, knejjes u swali parrokkjali kif ukoll kliniċi u kċejjen biex jiġi pprovdut servizz tas-saħħa u jitqassam l-ikel b’xejn lill-foqra.

Attwalment, hemm 14-il saċerdot fosthom 7 Maltin jaħdmu fl-iktar żoni foqra u mwarrbin mill-Belt Kapitali fosthom Aplao, Acequia Alta, Tomilla, Buenos Aires de Alto Cayma, Sta Teresa de Calcutta u Sta Elena Arequipa.

Fr Vincent Magro qal li dwar vokazzjonijiet, hemm futur sabiħ għall-ġejjieni, għaliex din is-sena b’kollox hemm 5 żgħażagħ jippreparaw ruħhom għall-vokazzjoni.

Fr Magro rringrazzja lil Maltin u l-Għawdxin kollha li bis-saħħa tagħhom il-missjoni tibqa’ dejjem miexja l’quddiem sena wara l-oħra.