500 tifel u tifla mhux imrobbija mill-ġenituri tagħhom

Waqt il-programm ‘Popolin’ ġew diskussi t-tfal u dak li jgħaddu minnu meta jidħlu fis-sistema tal-istituzzjonijiet tat-tfal f’pajjiżna. X’impatt qed tħalli din l-esperjenza fuq il-bqija ta’ ħajjithom? Tkellimna mad-direttriċi tad-Direttorat għat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan l-FSWS, Remenda Grech u Dr. Daniela Azzopardi Bonanno, konsulent legali.

Dr Daniela Azzopardi Bonanno spjegat li tfal orfni mhumiex biss tfal li tilfu lill-ġenituri tagħhom minħabba mewt, iżda jinkludu wkoll tfal li l-ġenituri tagħhom ma għandhomx il-kapaċità li jrabbuhom. Għal din ir-raġuni dawn it-tfal ikollhom bżonn il-kura u l-protezzjoni tal-Istat. Azzopardi Bonello tenniet li l-ġenituri għandhom kemm id-drittijiet kif ukoll ir-responsabbiltajiet tagħhom biss għandhom jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn il-ġenituri jabbandunaw jew ikeċċu lil uliedhom.

Remenda Grech indikat li f’pajjiżna huma ftit it-tfal taħt il-protezzjoni tal-Istat li l-ġenituri tagħhom ġew nieqsa. F’ħafna mill-każijiet membri oħra tal-familji jidħlu minnufih biex jipprovdu huma l-kura neċessarja. Grech stqarret li jkun hemm każijiet oħra fejn it-tfal jidħlu taħt il-protezzjoni tal-istat għaliex ikunu ġejjien min familji hekk imsejjħa ‘dysfunctional’. Hija żiedet tgħid li meta l-ġenituri jkunu negliġenti lejn uliedhom il-minuri jittieħdu immedjatament. Ikun hemm diversi raġunijiet li jwasslu għal dan il-pass, f’ħafna mid-drabi meta jkun hemm abbuż espliċitu li jinkludi; ġenituri bi problemi mhux ikkontrollata ta’ alkoħol jew droga, abbuż sesswali u abbuż fiżiku. “F’Malta bħalissa għandna ħames mitt tifel u tifla li qegħdin fil-kura tal-Istat, li għandhom ġenituri biss li m’għandhomx il-kapaċità li jrabbu”.

Ix-xogħol tad-Direttorat għat-Tfal u ż-Żgħażagħ fi ħdan l-FSWS jinkludi għajnuna lil dawn il-ġenituri biex jerġgħu jiġu reintegrati ma’ uliedhom. Mistoqsi mill-preżentatur kemm kien hemm riżultati ta’ suċċess, Grech qalet li riżultati ta’ suċċess jeżistu biss mhumiex ħafna. “Bħala direttorat nippruvaw u naħdmu ħafna biex nagħmlu iżjed reintegrazzjonijiet, din is-sena minn Lulju sa Diċembru se nkunu għalaqna sitt reintegrazzjonijiet”.