Teknoloġija
5,000 tifel u tifla bla aċċess għat-teknoloġija

Mal-5,000 tifel u tifla m’għandhomx aċċess għall-mezzi tat-teknoloġija.

Dan ħareg minn studju kkummissjonat mill-Malta Trust Foundation fost 350 familja.

Ħdax fil-mija minn 350 familja intervistati fi stħarriġ matul is-sajf li għadda ħareġ li huma mċaħħdin minn tagħmir diġitali.

Dan ifisser li mal-5,000 tifel u tifla m’għandhomx aċċess għall-mezzi diġitali biex iżommu l-pass mal-kumplament tat-tfal daqshom.

B’dawn ir-riżultati l-Malta Trust Foundation nediet l-inizjattiva Your Device – Your Right bl-iskop li iktar familji jkollhom aċċess għall-mezzi diġitali anke permezz ta’ tagħmir u laptops li jistgħu jiġu aġġornati u riċiklati.

Iċ-Chairperson tal-Malta Trust Foundation, il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, qalet li għal din l-inizjattiva qed jikkontribwixxu kumpaniji tat-tagħlim tal-kompjuter li qed joffru korsijiet b’xejn kemm għall-istudenti u anke għall-ġenituri li jwassluhom sal-eżamijiet tal-ECDL mingħajr ħlas.

Kumpanija oħra se tkun qed toffri internet b’xejn lil dawn il-350 familja li ħadu sehem fl-istħarriġ.

Il-President Emeritus Coleiro Preca saħqet fuq l-importanza tal-aċċess għall-edukazzjoni u qalet li dan il-bżonn żdied tul il-pandemija.

“Kellna wkoll familji jersqu ‘l quddiem … jistaqsu lill-Malta Trust Foundation biex ngħinuhom jixtru laptops għat tfal tagħhom u huma jkunu jistgħu jistudjaw mid-dar. Għaldaqstant your device, your right għaliex aħna nikkontendu li la huwa tant importanti l-edukazzjoni tal-persuna tat-tfal tagħna il-laptop jew il-kompjuter, allura dan huwa marbut ukoll essenzjalment mad-dritt għall-edukazzjoni”.

Il-President tal-Kamra tal-Kummerċ Marisa Xuereb qalet li l-aċċess għall-mezzi diġitali huwa indispensabbli għad-dinja tal-lum u l-ebda tifel u tifla m’għandhom jitħallew jaqgu lura.

“Nappellaw lin-negozji kollha u dawk kollha li jbiddlu l-laptops tagħhom spiss biex meta jagħmlu dan jiftakru f’din l-inizjattiva u joffru il-laptop li jkunu se jibdlu lil dan il-proġett biex b’hekk jirnexxielna dawn il-5,000 tifel u tifla li għandhom bżonn id-device tagħhom nagħtuhomlhom fl-inqas ħin possibli”.

Wara proġett-pilota tal-Malta Trust Foundation li sar fl-aħħar xhur issewwew u ġew aġġornati 55 laptop li diġà tqasmu lil firxa ta’ studenti bil-fondazzjoni appellat biex kull min għandu laptops jew apparat ieħor li m’għadux jużah ma jintremewx imma jingħataw lilha.