52% taż-żgħażagħ Maltin ma jagħmlux użu minn kontraċettivi

F’dawn l-aħħar xhur sar investiment kbir fejn tidħol il-kura għall-virus Covid19, biss ma rridux ninsew mard ieħor li ilju jaħkem lid-dinja għall-mijiet ta’ snin. Fosthom insibu l-mard trażmess mis-sess. F’dawn l-aħħar xhur, ir-rata tal-imxija ta’ dan il-mard żdiedet ħafna. ‘Popolin’ investiga l-politika f’dan ir-rigward, l-edukazzjoni sesswali u r-riżorsi allokati għall-dan it-tip ta’ mard f’pajjiżna.

Studju maħruġ f’Mejju tal-2020, b’kollaborazzjoni mal-Għaqda dinjija tas-saħħa, iż-żgħażagħ Maltin ftit li xejn jagħmlu użu mill-kontraċettivi. Fil-fatt 52% taż-żgħażagħ f’Malta stqarru li ma jagħmlux użu tal-condom jew il-pillola kontraċettiva. 43% tas-subien u 61% tal-bniet ta’ ħmistax-il sena qalu li ma jiddejqux ma jużawx kontraċettivi waqt is-sess. Fi stħarriġ ieħor li sar b’riferenza għas-sena skolastika ta-sena 2018 u 2019, 31 studenta ħarġu tqal; 17 fl-età ta’ sittax-il sena, 11 fl-età ta’ ħmistax-il sena u 3 fl-età ta’ 14-il sena.

Biex nifhmu aħjar x’tip ta’ edukazzjoni sesswali qed tingħata fl-iskejjel u għal liem etajiet qed jingħata dan it-tagħlim tkellimna ma’ Stephen Camilleri, uffiċjal edukattiv tal-PSCD. Camilleri għamel distinzjoni bejn is-sesswalità u s-sess f’kuntest ta’ relazzjoni. Tenna li l-edukazzjoni tibda mill-primarja, dan għaliex liż-żvilupp marbut mas-sesswalità tal-persuna jibda mit-twelid, għalhekk huwa importanti lit-tfal jilħqu jitgħallmu fuq il-bidliet li jridu jesperjenzaw qabel ma’ jiltaqgħu mal-istess bidla. Żied jgħid li l-pressjoni soċjali speċjalment dik mill-midja soċjali qed iġġiegħel lit-tfal jassorbu messaġġi differenti li kultant anke jkun kontra ta’ dak li jiġi mgħallem fl-iskejjel; “l-edukazzjoni fl-iskejjel hija essenzjali għaliex tgħin lit-tfal ikissru kunċetti żbaljati relatati mas-sess mmexxija l-quddiem mill-midja soċjali”. Camilleri spjega li filwaqt li l-edukazzjoni fl-iskejjel tippromwovi valuri varji fosthom; ir-responsabiltà, l-imħabba u r-rispett lejn il-persuna l-oħra, jiġu diskussi punti oħra bħal l-użu tal-kontraċettivi u l-mard sesswali.

Mistoqsi mill-preżentatur x’qed iwassal biex wara l-edukazzjoni li tingħata xorta n-numri juru li diversi żgħażagħ għadhom jagħżlu li ma jagħmlux użu mill-kontraċettivi, Camilleri spjega li jista’ jkun hemm diversi fatturi fosthom: li ħafna jaħsbu li dawn l-affarijiet mhux se jiġru lilhom, il-mistħija u l-finanzi biex jinxtraw il-kontraċettivi.  Żied jgħid li l-edukazzjoni sesswali m’għandiex issir biss fl-iskejjel, iżda għandha tkun kontinwa u mogħtija minn stakeholders differenti. Spjega li l-edukazzjoni sesswali mill-awtoritajiet tas-saħħa għandha tindirizza wkoll lill-ġenituri u l-poplu inġenerali.