COVID-19
54 każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta, ifiqu 9 persuni – appell biex wieħed jevita l-folol

54 persuna nstabu nfettati bil-covid, bejn is-Sibt u l-Ħadd, wara li saret analiżi ta’ 1,789 swab test. L-iżgħar persuna nfettatata hija tarbija ta’ sena, u l-ikbar, raġel ta’ 75 sena. TVM huwa nfurmat li hemm 4 persuni l-isptar Mater Dei, ħadd minnhom fit-taqsima tal-kura intensiva. Għoxrin persuna oħra qed jinżammu fl-isptar Boffa u fl-isptar St Thomas, bl-awtoritajiet tas-saħħa qalu lil TVM li hemm pazjenti qed jinżammu l-isptarijiet bi prekawzjoni għaliex ma jistgħux joqogħdu d-dar iżolati minn persuni oħra.

TVM tkellem mas-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Professur Charmaine Gauci li kompliet bl-appelli tagħha biex in-nies jevitaw li jiltaqgħu ma’ gruppi kbar ta’ nies.

“Bħalissa qed naraw il-każijiet għolja ħafna u aħna qed nkomplu bl-istrateġija biex insibu iktar nies pożittivi u npoġġuhom kwarantina, u allura appelli biex nevitaw numri ta’ nies flimkien għax jista’ jkun ikollu l-virus u faċli li jittieħed lil ħaddieħor, nużaw il-maskri u iġene tal-idejn, u importanti li n-nies vulnerabbli anzjani u nies b’mard kroniku ikunu kawti fuq din is-sitwazzjoni”.

Mill-gruppi magħrufa diġà li nfettaw ruħhom bil-virus, l-akbar numru huwa ta’ tnax-il persuna oħra minn diversi stabbilimenti f’Paceville. Instabu disa’ każijiet oħra minn familja li kienet magħrufa li kellha l-virus, filwaqt li instabu tlieta oħra nfettati mill-grupp minn skejjel tat-tagħlim tal-Ingliż lill-barranin.

In-numru ta’ każi ġodda huwa l-ogħla qatt irreġistrat mis-sebgħa ta’ Marzu li għadda, mindu feġġet il-pandemija f’Malta.

Mill-wieħed u tletin ta’ Lulju sal-lum, dan jimmarka l-għaxar jum li pajjiżna qed jirreġistra kuljum figuri doppji. Jekk wieħed jikkalkula l-ikbar gruppi ta’ nies infettati sa issa jidher li l-ikbar grupp huwa dak minn Paceville, fejn sa issa l-każi magħrufa jgħoddu 49. It-tieni l-ikbar każ huwa mill-party tal-Hotel Takeover li l-aħħar li ssemma’ kien fl-aġġornament tal-Ġimgħa, bi 33 każ, u t-tielet l-ikbar mill-iskejjel tal-Ingliż, bl-ammont tela’ sa issa għal tletin każ.

L-ammonti ta’ nies ġejjin minn gruppi nfettati jgħoddu 24, filwaqt li l-bqija, jiġifieri tletin, possibilment huma każijiet sporadiċi – fejn ma jkunx magħruf kif persuna ħadet il-virus.

Aħbarijiet Oħra

Studju maħruġ minn diversi esperti Maltin fil-qasam tas-saħħa fosthom il-Professur Charmaine Gauci, jgħid li Malta qed tesperjenza t-tieni mewġa ta’ Covid-19 kawża ta’ żewġ avvenimenti tal-massa li saru fis-sajf. Fl-istudju…

Il-Ministeru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, permezz tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi, bħalissa għaddej b’sejħa ta’ reklutaġġ ghal Compliance Officers ġodda, dan bil-għan li d-Dipartiment isaħħaħ l-infurzar sabiex dejjem aktar nassiguraw li…

Ħamsin sena ilu Villa Bighi ntużat għall-aħħar darba bħala sptar, wara 167 sena ta’ servizz kontinwu. Wirja permanenti fiċ-ċentru interattiv għax-xjenza l-Esplora tikkomemora l-perjodu meta l-binja kienet isservi bħala l-isptar…

Aktar