COVID-19
55 każ ġdid ta’ COVID-19 f’Malta, ifiqu 13-il persuna

55 każ ġdid ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegha sa’ nofsinhar illum, tella’ n-numru ta’ każi attivi għal 528.

Il-każi ħarġu minn rekord ieħor ta’ swab tests li saru – 2,485. Intqal li mill-każi l-ġodda ħamsa huma membri f’familja li diġà kien hemm min kien pożittiv bil-virus, 4 każi li kellhom kuntatt ma’ każijiet oħra, żewġ każi mill-cluster li beda minn Paceville u każ ieħor mill-cluster tal-iskola tal-Ingliż. Intqal li fil-kumplament tal-każi għadu għaddej il-contact tracing biex jiġu identifikati persuni oħra li setgħu kienu f’kuntatt ma’ persuni infettati bil-virus.

L-awtoritajiet tas-saħħa fetħu l-ħames swabbing centre li qed jopera mill-isptar St Thomas f’Ħal Qormi. Dan żdied ma’ dawk eżistenti f’Ħal Luqa, Pembroke, l-isptar Mater Dei u Għawdex. Fi żjara fl-isptar St Thomas, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li meta fl-aħħar 24 siegħa ġie rreġistrat numru rekord ta’ swab tests, huwa kruċjali li dan il-pass jinżamm.

”B’din l-istrategija, il-każijiet pożittivi jinqabdu kemm jista’ jkun malajr u jiġu iżolati. Wara, permezz tal-contact tracing jitpoġġew fi kwarantina l-persuni li kellhom kuntatt magħhom u b’hekk kemm jista’ jkun l-imxija ma tibqax tinxtered.”

Fl-aħħar sigħat ġew irrappurtati li fiequ mill-virus 13-il persuna. B’hekk il-każijiet ta’ coronavirus minn Marzu issa huwa ta’ 1,245 li minnhom fiequ 708, bit-total ta’ swab tests li saru mindu feġġ l-ewwel każ issa tela’ għal kważi 150,000.

Intant, b’avviż legali li dahal b’effett immedjat, ħwienet tax-xorb, nightclubs u diskoteki issa jridu wkoll josservaw ir-regoli tad-distanza soċjali li japplikaw għall-attivitajiet tal-massa. Dan ifisser li ma jridx ikun hemm iktar minn mitt persuna fuq ġewwa u tliet mija fuq barra. Dan wara li iktar minn 40 każ attivi ta’ coronavirus, huma marbuta mal-mekka tad-divertiment f’Malta, Paceville.

Sadattant, fl-istess jum li l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol, l-MFA, ħabbret li l-Kampjonat Premier se jintlagħab b’bibien magħluqa, saru magħrufa iktar każi ta’ plejers tal-Premier pożittivi għall-Covid. Iż-żewġ klabbs tal-Premier Birkirkara u Naxxar Lions ħabbru li ħassru l-iskeda tat-taħriġ minħabba li plejer minn kull skwadra ittestja pożittiv għall-Covid-19. Fil-każ ta’ Naxxar Lions, fuq facebook il-klabb qal li l-plejer tagħhom jinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb u kien f’iżolament mindu ħarġulu l-ewwel sintomi.

Aħbarijiet Oħra

Għall-ħabta tad-9pm ġie rilaxxat mill-arrest Keith Schembri, l-eks Chief of Staff fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru, wara li kien arrestat mill-Pulizija għall-ħabta ta’ nofsillejl. Huwa ħareġ mill-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Floriana, akkumpanjat mill-avukati…

Qed joqrob il-jum li fih mistennija jiftħu l-bibien tagħhom l-iskejjel għas-sena skolastika ġdida, Television Malta żar uħud mit-tħejjijiet li qed isiru f’xi skejjel tal-Gvern u tal-Knisja biex jassiguraw il-prekawzjonijiet kollha…

Il-Partit Nazzjonalista qal li hija ħaġa tal-iskantament kif fl-aħħar jiem il-Kummissarju tal-Pulizija bi ftehim mal-Ministru għall-Intern, Byron Camilleri ħabbar li l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Korp tal-Pulizija se tispiċċa u dan…

Fid-Dar tal-Anzjani San Ġużepp il-Fgura bħalissa hemm ftit iżjed minn 100 anzjan li għandhom il-Coronavirus. 15 minnhom irriżultaw ilbieraħ. Il-Clinical Chair tal-Ġerjatrija, Dr Brian Farrugia, qal lil TVM li s-sitwazzjoni…

Aktar