Ekonomija u Finanzi
560 negozju jirċievu b’€440 miljun f’self biex jgħinhom fil-pandemija

Is-self mill-banek kummerċjali fi żmien ta’ pandemija, meta l-inċertezza tibda’ tirrenja, iwassal biex is-self għan-negozji jsir iżjed diffiċli.

Wieħed mill-għanijiet li għalihom tnieda il-Bank Malti għall-Iżvilupp ftit tas-snin ilu kien proprju dan, li jservi ta’ garanzija ta’ self li n-negozji jkollhom bżonn fi żmien diffiċli.

Permezz ta’ skema ntrodotta f’April 2020, il-Bank Malti għall-Iżvilupp iffaċilita l-aċċess għall-finanzjament bankarju għal negozji li sabu diffikultajiet ta’ likwidità minħabba l-pandemija.

Sa issa 560 negozju irċevew bejniethom aktar minn €440 miljun f’self fuq ‘working capital’ permezz ta’ disa’ banek kummerċjali.

Waħda mill-kumpaniji hija l-grupp IHI li tmexxi l-lukandi tal-Corinthia b’Joe Fenech, li huwa direttur tal-grupp responsabbli mill-finanzi, qal li permezz ta’ din l-iskema l-grupp seta’ jissellef €24 miljun biex seta’ jkampa mid-daqqa tal-pandemija fuq is-settur turistiku lokali.

“Bi grupp li kien jimpjega 1,300 ruħ tista’ timmaġina l-impatt finanzjarju li kellu fuq il-grupp tagħna. Ovvjament kwalunkwe assistenza u benefiċċju li seta’ jingħata kien kollu ta’ sostenn għall-industrija. Kemm dak li huwa s-sussidju li ta l-Gvern fuq il-pagi kif ukoll fondi li ngħataw mill-MDB li ffaċilita l-‘loans mal-banek kummerċjali”.

Iċ-Ċermen tal-Bank Malti tal-Iżvilupp, il-Professur Josef Bonnici, qal li minbarra li għenet lin-negozji l-iskema kompliet idawwar ir-rota ekonomika anke permezz tal-użu tal-flus tal-banek.

“Hawnhekk l-innovazzjoni hija illi tippermetti li l-banek ikomplu jsostnu l-‘businesses’, li kieku dawn il-biċċa minnhom setgħu biċċa minhom fallew, kienu jkunu piż ikbar fuq il-banek, piż fuq min falla u piż fuq l-ekonomija għaliex tkun tilfet parti mill-produttività tagħha li tipproduċi”.

Il-Professur Bonnici żied jgħid li l-Bank qiegħed iħares lejn skema oħra għal wara l-pandemija li se tgħin lill-banek ikomplu bis-self tagħhom billi joħorġu parti mis-self u fl-istess waqt jagħtu garanzija fuq parti mis-self. Din l-iskema mistennija titnieda fix-xhur li ġejjin.