Sitt snin ħabs u multa għal traffikar tad-droga
Rodney Andrew Molt, ġuvni ta’ 26 sena minn Alabama l-Istati Uniti weħel sitt snin ħabs u multa ta’ €15,000 talli fl-2011 importa bil-għan li jitraffika nofs kilo droga Meow Meow (mephedrone).
Molt ammetta l-akkużi kollha minflok għadda ġuri.
Il-każ kien inqabad mill-pulizija f’Marzu ta’ tliet snin ilu wara li kienu infurmati mill-uffiċjali tad-dwana li kien inbagħat pakkett suspettuż minn Praga lejn appartament f’Ħat Attard.
Id-droga kienet instabet maqsuma  f’erba’ pakketti u fl-istess rejd il-pulizija sabet ukoll id-droga kokaina.
Molt instab ħati ukoll tal-pussess tal-kokaina.
Ma Molt kienet ukoll arrestat Ana-Maria Beatrice Ciocanel  ta’ 24 sena mir-Rumanija li l-każ tagħha għadu pendenti.  
Il-Qorti presedutat mill-Imħallef Micheal Mallia  ordnat il-konfiska tal-assi ta’ Molt fil-każ u li l-pulizija teqred id-droga li nstabet.
Għal Molt deher l-avukat Roberto Montalto.