Droga
6 żgħażagħ jinqabdu bid-droga

Erba’ rġiel u żewġ tfajliet, li l-età taħghom tvarja bejn 16 u 23 sena nqabdu bid-droga sintetika, kokaina, kannabis, eroina u crack.

Dan wara li lbieraħ għall-ħabta tal-11pm, waqt li membri mis-sezzjoni tal-RIU kienu għaddejjin bi spezzjonijiet tat-traffiku fi Triq it-Tlett Ibliet, Bormal innutaw vettura tieqaf ftit ‘il bogħod minnhom u l-persuni ta’ ġo fiha jaġixxu b’mod suspettuż.

Kif raw dan, il-Pulizija imxew lejn il-vettura, iżda x-xufier saq ftit metri oħra u waqaf fejn il-Pulizija.

Minħabba il-movimenti ta’ ftit qabel, il-Pulizija ċċekjaw il-post fejn waqfet primarjament il-vettura, fejn hemm instabu boroż b’sustanza suspettata droga. Mas-sejba, il-Pulizija ordnat lill-persuni kollha jinżlu mill-vettura sabiex issir tfittxija fuqhom u fil-vettura, fejn instab multi purpose tool f’basket ta’ ġuvni ta’ 16-il sena.

Il-Pulizija sabet ukoll li x-xufier ta’ 21 sena ma kellux liċenzja valida, u l-polza tal-assigurazzjoni tal-vettura ma kinitx waħda valida għalih.

Il-boroż bis-sustanza ttieħdu l-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, fejn irriżulta li sustanzi kienu droga sintetika, kokiana, cannabis, eroina u crack.

Dwar din is-sejba ġiet nfurmata l-Maġistrat tal-Għassa, filwaqt li l-investigazzjonijiet mill-Pulizija tad-Distrett ta’ Bormla u tar-RIU dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.