60% tal-propjetà f’pajjiżna hija tal-Gvern Malti

F’pajjiżna hawn diversi artijiet proprjetà tal-Gvern, dawn jinkludu djar f’żoni urbani jew spazji agrikoli li spiċċaw mitluqa minflok użati għal proġetti ambjentali. Popolin tkellem mal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, biex jiddiskuti aħjar l-effiċjenza u l-impenn  ta’ din l-Awtorità filwaqt li jsib risposta għal mistoqsijiet magħmula mill-popolin rigward numru ta’ kwistjonijiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Artijiet, Robert Vella spjega li l-Gvern huwa l-ikbar propjetarju ta’ artijiet f’pajjiżna, huwa kalkulat li bejn wieħed u ieħor 60% tal-proprjetà Maltija taqa’ taħt ir-responsabbiltà diretta tal-Gvern Malti, amministrata mill-Awtorità tal-Artijiet. Għalhekk l-irwol ta’ din l-Awtorità hu li jimmaniġġja b’mod għaqli din l-art. Ħafna għandhom il-perċezzjoni li l-Gvern ma jafx x’art għandu, biss Vella spjega li mhuwiex il-każ. Huwa tenna li sfortunatament għad hemm numru ta’ proprjetajiet tal-Gvern li mhux qed jintużaw u għalhekk dak li jkun jaħseb li l-Gvern ma jafx b’dik l-art. Biex dan il-fatt jiġi indirizzat, l-Awtorità tal-Artijiet qed tniedi diversi skemi biex kemm jista’ jkun artijiet tal-Gvern jintużaw minn entitajiet governattivi, non-governattivi jew privati biex b’hekk jiġi evitat ħsara fuq bini eżistenti, speċjalment bini storiku.

Mistoqsi mill-preżentatur x’jista’ jsir biex din l-Awtorità ttejjeb l-operat tagħha, Vella saħaq li “l-kwantità ta’ art li hemm jagħmel differenza kbira, rridu ntejbu l-effiċjenza biex l-Awtorità tiffunzjona aħjar”. Żied jgħid li se ssir riforma li tinkludi investiment qawwi fit-teknoloġija u r-riżorsi umani, filwaqt li se jittieħdu miżuri tanġibbli biex l-Awtorità tersaq iktar lejn il-pubbliku; “għandna pjanijiet li fi żmien qasir nersqu ħafna iktar lejn il-pubbliku”.