Lokali
62 għasfur protett vittmi tal-kaċċa illegali tul il-kaċċa fil-ħarifa

Hekk kif għalqet il-kaċċa fil-ħarifa, il-BirdLife Malta ddeskrivietha bħala l-agħar staġun fejn jidħlu l-illegalitajiet fl-aħħar ħames snin.

Fi stqarrija qalet li kien hemm 62 għasfur protett li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali u nġabru tul l-istaġun, bejn l-1 ta Settembru, 2017 u l-31 ta’ Jannar, 2018.

Spjegat li minn dan it-total ta’ 62 tajra protetta li nġabru tul l-aħħar ħames xhur, 49 inġabru minn BirdLife Malta waqt li t-13 l-oħra rċivewhom jew ġabruhom il-pulizija

BirdLife Malta qalet li wara t-total ta’ 43 għasfur protett li sfaw vittma tal-kaċċa illegali tul l-istaġun tal-kaċċa tal-ħarifa 2013-2014, in-numri kienu bdew jonqsu u niżlu għal 21 fil-ħarifa ta’ wara, u għal 17 tul l-istaġun 2015-2016 u fl-istaġun tal-ħarifa 2016-2017.

Qalet li dan l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa kien wieħed mill-agħar ukoll b’mod partikolari fejn għandu x’jaqsam mal-użu ta’ apparat tal-għajjat elettroniku biex jattira l-għasafar fejn l-infurzar kien minimu jew kważi ineżistenti.

BirdLife Malta qalet li bejn Jannar u Diċembru tas-sena l-oħra BirdLife Malta u l-pulizija rkupraw total ta’ 82 għasfur protett li spiċċaw fil-mira tal-kaċċa illegali li jagħmel mill-2017 l-agħar sena għall-illegalitajiet mill-2013 lil hawn.

Hija innotat kif waqt li l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa kien għadu lanqas ġie fi tmiemu, il-Kumitat Ornis ta l-kunsens tiegħu għall-ftuħ tal-istaġun li jmiss tal-kaċċa fir-rebbiegħa.