Lokali
650 negozju jibbenefikaw minn €500 miljun f’self mill-Bank Malti għall-Iżvilupp

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp, l-MDB, ta appoġġ ta’ aktar minn nofs biljun ewro f’self mindu nieda l-ewwel skema lejn l-aħħar tal-2018.

Dan is-self ittieħed minn kważi 650 negozju lokali, f’kull settur ekonomiku lokali, biex jinvestu kemm f’espansjoni tal-operat tagħhom kif ukoll biex jakwistaw il-finanzjament meħtieġ biex jilqgħu għall-isfidi li ġabet magħha l-pandemija tal-Covid-19.

Negozji żgħar u medji rrappreżentaw 91% ta’ dawk megħjuna.

Is-self, li kien intermedjat permezz tal-banek kummerċjali lokali, kien possibbli permezz tal-iskemi ta’ garanzija offruti mill-MDB.

Il-Bank Malti tal-Iżvilupp qal li s-self jirrifletti madwar 12.5% tas-self attwali li għandhom kumpaniji mhux finanzjarji mas-sistema bankarja Maltija, riflessjoni tar-rwol fundamentali li għandu l-Bank biex jgħin l-attività ekonomika.

Is-self lill-kumpaniji f’Malta kiber b’rata annwali ta’ 9% matul l-2020. L-MDB qal li mingħajr l-intervent tiegħu, is-self lil dawn il-kumpaniji kien jonqos b’2.5%.

Il-Bank qal li l-akbar kontributur għal dan l-impatt kienet l-Iskema ta’ Garanzija Covid-19 (CGS), Ii permezz ta’ garanzija kopruta mill-Gvern ta’ €350 miljun, l-MDB qed jipprovdi garanzija ta’ 90% fuq self mogħti minn banek kummerċjali lil negozji li jiltaqgħu ma’ diffikultajiet fil-likwidità minħabba l-pandemija.

F’dan il-każ, is-settur tal-bejgħ bl-imnut u dak tal-akkomodazzjoni u l-ikel kienu l-akbar benefiċċjarji ta’ dawn il-garanziji.

Il-Bank qal li l-iskema għadha miftuħa u ħeġġeġ lin-negozji li għandhom bżonn dan il-finanzjament biex jikkuntattjaw wieħed mid-disa’ banek kummerċjali akkredidati li qed jintermedjaw din l-iskema.

Skemi oħra mħaddma mill-MDB jinkludu l-SME Invest, il-Family Business Transfer Facility u l-Iskema Further Studies Made Affordable.

Il-kważi 650 negozju li gawdew minn dawn il-garanziji tal-MDB permezz tal-iskemi differenti jħaddmu bejniethom aktar minn 40,000 impjegat, ekwivalenti għal 22% tal-impjegati kollha fis-settur privat f’Malta.

Il-Bank Malti għall-Iżvilupp qal li permezz tal-iskemi tiegħu, l-MDB fi ħsiebu jiffaċilita proġetti fil-qasam ambjentali, fl-innovazzjoni u fil-qasam diġitali, u b’hekk se jistinka biex jikkontribwixxi għal miri ambizzjużi tal-pajjiż fl-oqsma ta’ priorità differenti.

Iċ-Chairman tal-MDB, il-Prof. Josef Bonnici qal li dan ir-riżultat li ntlaħaq f’perjodu tant qasir huwa konferma tar-rwol importanti tal-MDB fl-ekonomija Maltija.

Qal li tul l-aħħar xhur ħadmu b’mod attiv fuq strumenti finanzjarji ġodda li se jitnedew aktar tard din is-sena u li se jagħtu impetu ġdid lill-ekonomija fil-fażi ta’ rkupru ta’ wara l-pandemija.