Lokali
Ħarsa lejn il-gazzetti tal-lum

Nagħtu ħarsa lejn il-faċċati tal-gazzetti illum il-ħamsa ta’ Ottubru.

L-Orizzont: Patri Dijonisju MIntoff huwa r-rebbieħ tal-premju anzjanita’ attiva għall-2019. Fir-reazzjoni tiegħu jgħid li jiddedika l-premju lil kull min hu batut.

Il-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika George Hyzler ikkonkluda li m’huwiex minnu li s-salarji tas-segretarji parlamentari irdoppja kif allega d-deputat nazzjonalista Jason Azzopardi.

The Malta Independent.

Fjuri minflok terrur huwa l-messaġġ ta’ storja ritratt fl-ewwel paġna tal-ġurnal, f’eku ta’ attakk li twettaq f’Pariġi.

Tliet persuni mixlija li attakkaw u serqu raġel anzjan f’daru: naqraw kif il-ħallelin heddew lill-anzjan li jinsab f’wheelchair, li jaħarqulu daru u jsawwtuh jekk kien se jirrapporta lil pulizija.

U l-qorti tal-appell tikkonkludi li artiklu li nkiteb dwar Brian Tonna u Karl Cini ma kienx libelluż u li domandi li saru mill-ġurnal kienu altru minn leġittimi.

U l-GWU tiċċelebra is-76 sena mill-ħolqien tagħha. Huwa il-Mument li nsaħħu l-vuċi kollettiva tal-ħaddiema, hekk sostna s-segretarju ġenerali tal-GWU Josef Bugeja f’diskors li għamel waqt ċerimonja ta’ tqegħid tal-fjuri mal-mafkar tal-ħaddiema fl-Imsida.

In-Nazzjon:

L-unika dispjaċir għal Konrad Mizzi huwa li nqabad. Il-ġurnal jallega li wara iżjed minn tliet snin jaħrab il-verita’, il-ministru Konrad Mizzi għamel waħda mill-akbar uturns fl-istorja politika riċenti ta’ Malta u qed jgħid li kien jaġixxi differenti fil-każ tal-Panama.

Storja ritratt f’Hong Kong, dimostrant jiġri wara li hu u sħabu taw in-nar lid-daħla tal-istazzjon tat-trasport pubbliku f’Hong Kong.

U l-għoli tal-ħajja u l-kirjiet huma fatturi li qed jheddu l-kompettivita’ f’Malta skont il-kamra tal-kummerċ.

Times of Malta:

Il-Bank of Valletta jagħlaq l-kontijiet ta’ klijenti li kienu kklassifikati f’kategorija ta’ riskju għoli. Kumpanji tal-gaming u negozji se jieqfu joperaw wara li ngħataw struzzjonijiet mill-Bank Ċentrali biex isir hekk.

Deċiżjoni li ingħatat mill-qrati dwar każ ta’ vjolenza domestika iħasseb lill-attivisti li jaħdmu favur id-drittijiet tan-nisa hekk kif raġel li sawwat lil mara ingħata l-aħħar ċans u m’huwiex se jintbagħat l-ħabs minkejja l-attakk vjolenti li wettaq fuqha.

Il-Papa Franġisku jassisti fit-tħawwil ta’ siġra fil-Vatikan.