Immigrazzjoni
68 immigrant salvati lbieraħ mhux se jitħallew jidħlu Malta

It-68 immigrant salvati lbieraħ mill-vapur tal-għaqda Sea-Eye f’żona ta’ tfittix u salvataġġ Libjana mhux se jitħallew jiżbarkaw Malta. Kelliem għall-Gvern qal lil TVM r-responsabbiltà għal dawn l-immigranti għandha tinġarr mill-pajjiż responsabbli għall-vapur.

L-awtoritajiet Maltin għamluha ċara mal-għaqda Ġermaniża Sea-Eye li mhux se jippermettu l-iżbark f’Malta ta’ 68 immigrant li ġew salvati f’ibħra territorjali Libjana. Kelliem għall-Gvern qal ma’ Television Malta li dawn l-operazzjonijiet minn vapuri ta’ għaqdiet privati għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiż fejn huma rreġistrati dawn il-vapuri.

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri qal li l-Gvern anke infurma lill-Kummissjoni Ewropea b’dan l-iżvilupp u deher urtat li dawn il-vapuri qed imorru qrib il-kosta Libjana u bit-twitter iħajru l-immigranti biex jaqsmu lejn l-Ewropa.

Fuq il-paġna tagħhom ta’ Twitter l-għaqda Sea-Eye qalet li l-vapur Alan Kurdi salva 68 persuna li kienu fuq dgħajsa tal-injam f’żona ta’ tfittix u salvataġġ Libjana u allegat li speedboat Libjana ippruvat tfixkel il-ħidma ta’ salvataġġ u qalet li anke ġew sparati tiri fl-arju.

Il-Gvern Taljan ukoll għamilha ċara mal-Ministreu tal-Affarijiet Barranin Ġermaniż li mhux se jkun jagħti l-permess biex l-immigranti jinżlu f’territorju Taljan anke jekk jintlaħaq qbil għad-distribuzzjoni tal-immigranti fl-isfond tal-pandemija li tefgħet lill-Italja għal irkopptejha.