COVID-19
680 sodda b’kollox għal pazjenti bil-Covid-19 f’Malta

L-awtoritajiet tas-saħħa komplew jirrankaw it-tħejjijiet f’każ li jiżdiedu l-każijiet tal-pazjenti fil-Coronavirus. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa, Chris Fearne, qal li l-awtoritajiet se jkollhom total ta’ 600 sodda f’Mater Dei u f’postijiet oħrajn f’Malta għal pazjenti bil-Covid-19.

Fost miżuri oħrajn, saret taqsima separata tal-emerġenzi għal każijiet bħal dawn, waqt li se jiġu sospiżi l-operazzjonijiet mhux urġenti biex il-faċilitajiet u r-riżorsi umani tal-isptar ikunu jistgħu jintużaw jekk tinqala’ din l-emerġenza.

Dr Fearne qal li dan huwa pjan ta’ kontinġenza mnebbaħ mill-qawl aħseb fil-ħażin biex it-tajjeb ma jonqosx.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa, Chris Fearne, ħabbar li diversi spazji bħal-librerija tal-iskola medika u swali tal-lectures fl-isptar jinbidlu fi swali għal pazjenti. Sal-lum fl-Isptar Mater Dei hemm 136 sodda u sal-aħħar ta’ Marzu dawn mistennija jiżdiedu għal 274 sodda għal pazjenti bil-Coronavirus.

Id-Deputat Prim Ministru qal li barra l-Isptar Mater Dei, hemm 40 sodda lesti bi staff imħarreġ biex jilqgħu pazjenti bil-Coronavirus. Qal li sal-aħħar tax-xahar is-sodod barra Mater Dei se jitilgħu għal 213-il sodda u se jinkludu fost oħrajn l-Isptar Boffa u sptar ieħor.

”Jekk tgħodd is-sodod ġodda barra l-isptar mas-sodod ġodda li għandna ġo dan l-isptar ifisser li għandna 487 sodda – kważi 500 sodda ġdida – illi nkunu nistgħu nużaw jekk tinqala’ l-ħtieġa.”

Dr Fearne qal li f’Mater Dei se jkun hemm żewġ swali tal-emerġenza fuq naħiet opposti tal-isptar li waħda minnhom għal pazjenti bil-Coronavirus. L-istess qed isir b’żewġ teatri tal-operazzjonijiet li se jkunu lesti f’każ ta’ pazjenti bil-coronavirus li jkollhom bżonn operazzjoni li ma tkunx assoċjata mal-kundizzjoni infisha.

Id-Deputat Prim Ministru qal li f’miżuri oħra li qed jittieħdu l-isptar qed jillibera aktar sodod u b’hekk jitilgħu għal 600 is-sodod disponibbli għall-pazjenti bil-Coronavirus. Dan se jsir billi min-nhar it-Tlieta se jitwaqqfu l-operazzjonijiet mhux urġenti. Fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-Ministru Fearne qal li se jkun hemm 80 sodda għal pazjenti bil-Coronavirus.

”L-operazzjonijiet ta’ emerġenza kollha se jibqgħu jsiru kollha. Se jsiru l-operazzjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu ma’ trauma – ksur u trauma oħra – u se jkomplu jsir l-operazzjonijiet kollha tal-kanċer. Qegħdin nistmaw li se tikber il-waiting list imma li se tkun tackled f’temp ta’ 6 xhur.”

Dr Fearne qal li qed jiġu dedikati aktar riżorsi anke ta’ professjonisti fit-Taqsima għall-Kura Intensiv. Qal li se jiżdiedu żewġ ITUs oħra biex is-sodod ta’ kura intensiva jiżdiedu għal kważi 50.

”Se jkollna l-kapaċità li jkollna 100 ITU bed ġewwa dan l-isptar. Per capita din hi probabbilment l-iktar numru ta’ ITU bed ras imb ras fl-Ewropa u x’aktarx fid-dinja.”

Dr Fearne spjega li l-mira tal-Awtorità tas-Saħħa hija li bil-miżuri li qed jittieħdu ma jkunx hawn ħafna każi f’daqqa biex is-servizz tas-saħħa jkun jista’ jlaħħaq u jagħti l-aħjar kura.

Mit-Tnejn, id-Dipartiment tad-Dermatoloġija flok fl-Isptar Boffa, se jopera minn binja fil-Gżira. L-outpatients ta’ Mater Dei wkoll se jnaqqsu l-appuntamenti ħlief dawk urġenti. L-appuntamenti li mhumiex urġenti se jiġu posposti.

Ara wkoll:

BIR-RITRATTI: Dipartiment tal-emerġenza u tal-ITU ġodda għall-pazjenti tal-Covid-19

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

80 ħaddiem barrani li nstabu joqogħdu f’lukanda f’Tas-Sliema li suppost hi magħluqa b’avviż ta’ infurzar ġew ordnati mill-Awtorità tat-Turiżmu biex imorru joqogħdu f’post ieħor. Television Malta jinsab infurmat li dawn…

Lokali

Diversi ħaddiema fis-settur tas-saħħa kellhom jieħdu d-deċiżjoni diffiċli biex waqt li jservu fl-isptar fost pazjenti bil-Coronavirus, jinfirdu mill-għeżież tagħhom u jmorru joqgħodu band’ oħra. F’din is-sitwazzjoni, il-fergha taż-Żgħażagħ tal-Azzjoni Kattolika…

COVID-19

Minn Malta, indawru ħarsitna madwar id-dinja. Nibdew bi Spanja, fejn il-morsa tal-COVID-19 kompliet tissikka bl-ogħla għadd ta’ imwiet f’ġurnata. Rekord ta’ mwiet f’jum wieħed fi Spanja. Fl-aħħar 24 siegħa, mietu…

COVID-19

Koki li jaħdmu f’diversi ristoranti li jinsabu magħluqa minħabba r-restrizzjonijiet li saru, ma spiċċawx b’idejhom fuq żaqqhom għax xammru l-kmien u b’mod volontarju qed iħejju ikliet bnini għal ħaddiema fost…

Aktar