COVID-19
7 fatti li nafu s’issa dwar it-tilqima għall-Covid-19

Sal-lum it-tilqima għall-Covid-19 ingħatat lil iktar minn 15% tal-popolazzjoni Maltija, fejn ras għal ras, Malta hija l-iktar pajjiż fl-Unjoni Ewropea li ta tilqim.

Iżrael u r-Renju Unit huma żewġ pajjiżi oħra li jinsabu fuq quddiem fl-għoti tat-tilqim, u l-effetti varji ta’ dan it-tilqim kif irrappurtat minn dawn il-pajjiżi qegħdin jiġu osservati mill-esperti tas-saħħa madwar id-dinja.

Waqt li kien qed jitkellem fuq TVAM, il-Kap tat-Taqisma tal-Mard Infettiv, Dr Charles Mallia Azzopardi, elenka diversi fatti li nafu s’issa dwar it-tilqima tal-Covid-19 u l-effetti tagħha, anki minn dak osservat f’Malta:

  • Inqas minn 5% ta’ dawk imlaqqma jimirdu bil-Covid-19 meta jiġu f’kuntatt mal-virus
  • L-ewwel doża tat-tilqima għandha bejn ġimgħa u għaxart ijiem biex tibda taħdem
  • Min ikun tlaqqam u jiġi fuqu l-virus xorta jista’ jgħaddih lil ħaddieħor, anki jekk iċ-ċans hu iktar baxx
  • L-effetti laterali tat-tilqim minn ditti differenti huma simili, u jikkonsistu f’uġigħ fl-idejn u deni li jgħaddi wara 24 siegħa
  • Effetti laterali serji huma ftit, u mhux qed ikunu osservati f’xi tilqima partikolari iktar minn oħra
  • Anzjani ta’ ‘l fuq minn 80 sena qed jimirdu ħafna inqas bil-Covid-19 minn meta ħadu t-tilqima
  • It-tilqima qed tilqa’ wkoll għall-varjant Ingliż tal-virus li jittieħed ferm iktar malajr

Ara l-intervista sħiħa ma’ Dr Mallia Azzopardi hawn:

Min ikun ħa t-tilqima xorta jista’ jxerred il-Covid-19?