COVID-19
7 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’Malta – imfejqa 4 pazjenti oħra

Tħabbru 7 każijiet ġodda ta’ Coronavirus f’Malta, b’4 pazjenti oħra mfejqa mill-marda wara li lbieraħ b’kollox saru 1,429 swab.#

Il-każijiet attivi issa jitilgħu għal 93 fejn s’issa f’Malta ġew irreġistrati 553 każ ta’ Coronavirus.

Fost l-infettati tal-lum hemm mara Maltija ta’ 52 sena li taħdem fi stabbiliment ma kellha l-ebda sintomi iżda għamlet it-test. Hija ħarġet pożittiva għall-virus u tnaqqas it-tixrid tal-virus peress li kienet qed tilbes il-maska fuq ix-xogħol.

Raġel barrani ta’ 52 sena mar l-emerġenza minħabba kundizzjoni medika mhux relata mal-Covid-19. Hemmhekk huwa instab infettat bil-virus hekk kif sarlu t-test qabel iddaħħal għall-kura.

Raġel barrani ta’ 47 sena ddaħħal l-isptar u ħareġ pożittiv għall-virus. Dwar dan il-każ qed isir contact tracing.

Malti ta’ 50 sena bla sintomi li jaħdem f’ħanut ħareġ pożittiv. Kien qed jilbes il-visor waqt li qed jaqdi n-nies u għalhekk naqset ir-riskju ta’ infezzjoni.

Mara barranija li hija carer f’home li ma kellha l-ebda sintomi ħarġet pożittiva qabel daħlet taħdem. Hekk tnaqqas ir-riskju ta’ tixrid.

Malti ta’ 55 sena pazjent rikoverat f’ward f’Mater Dei nstab infettat bil-virus. Dan kellu kuntatt ma’ persuna pożittiva u ma kellu l-ebda sintomi. Huwa ġie ttestjat permess tal-contact tracing u ġie ttrasferit fl-IDU.

Barrani ta’ 32 sena rikoverat f’Karin Grech ħarġulu s-sintomi tal-Covid-19 u ħareġ li jinsab infettat bil-virus.

Bħalissa pazjenti rikoverati hemm 4 fl-isptar Boffa, 6 fl-isptar St Thomas, pazjent rikoverat fl-IDU u 3 f’Karin Grech.

Mistoqsija minn TVM jekk b’daqstant każi mfejqa jistgħux ir-ristrizzjonijiet jibqgħu biss għal persuni vurnerabbli u x-xebħ ta’ din l-imxija mal-influwenza staġjonali, il-Professur Gauci enfasizzat li dan hu l-istess virus li kien magħna minn xahrejn u nofs ilu. Qalet li l-mortalita’ ta’ dan il-virus huwa ogħla minn dik tal-influwenza staġjonali. Sostniet li jrid jibqa’ jkun hemm miżuri ta’ mitigazzjoni għax it-trażmissjoni tal-virus fil-komunità  għadu għaddej.

“Jekk inti tħares li ma jkunx hemm miżuri ta’ mitigazzjoni u miżuri ta’ prevenzjoni hemmhekk ikollok firxa fil-komunita’. Għalhekk importanti li fil-komunita’ tibqa’ żżomm ir-rata kemm jista’ jkun baxxa ħalli jekk inti għandek dawn in-nies vulnerabbli li qed joħorġu għall-affarijiet essenzjali hemmhekk huma ma jitaqgħux mal-virus allura ma jeħduhx huma b’konsegwenzi gravi. Għalhekk li rridu l-koperazzjoni.”

Mistoqsija fuq il-fatt li l-Prim Ministru Robert Abela qal li m’għadx hemm bżonn tal-isptar prifabbrikat, il-professur Gauci saħqet li importanti li jkun hemm biżżejjed sodod għal li jista’ jinqala’.

“Aħna rridu naraw li jkun hemm is-sodod available. Fejn ikunu, jekk huwiex prefabricated jew inkella jkunu sodod li jiġu f’postijiet bħalma rajtu għamilna parti mill-Universita’, kemm jista’ jkun jkunu qrib tal-isptar tagħna… Irridu niftakru li dawn xorta rridu nżommuhom għaliex aħna ma nafux eżatt x’se jiġri s-sitwazzjoni u l-obbligu tagħna bħala Ministeru tas-Saħħa huwa li jkollna biżżejjed sodod biex nikkuraw il-pazjenti li jistgħu jkollhom bżonn.”

Il-Professur Gauci qalet li importanti li jibqgħu jittieħdu l-miżuri kollha ta’ mitigazzjoni biex ir-rata ta’ trażmissjoni minn persuna għall-oħra tibqa’ baxxa.