Lokali
7 persuni arrestati f’rejd tal-Pulizija b’rabta ma’ droga

7 persuni ġew arrestati wara li nstabet 20 gramma sustanza susepettata u traċċi ta’ sustanza suspettata eroina f’residenza fi Triq il-Mazzola, San Pawl il-Baħar.

Dan wara li lbieraħ għall-ħabta tad-9.30pm il-Pulizija mill-Għassa tal-Qawra, bl-assistenza tar-Rapid Intervention Unit u s-sezzjoni tal-Klieb, wettqu rejd ġewwa residenza.

Waqt it-tfittxija, instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar u t-teħid tad-droga, fosthom miżien elettroniku, kif ukoll madwar 20 gramma sustanza susepettata kokaina li kienet imqassma f’żewġ boroż, flimkien ma’ traċċi ta’ sustanza suspettata eroina.

Sid ir-residenza, flimkien ma’ ħamest irġiel u mara (ħames Maltin, Sqalli u Għarbi), li l-età tagħhom tvarja bejn 33 u 55 sena, ġew arrestati waqt dan ir-rejd.

Fuq il-post issejjħet ukoll l-assistenza tal-Animal Welfare, peress li ġol-imsemmija residenza, kien hemm ukoll erbat’ iklieb pitbull.

Investigazzjoni mill-Pulizija tal-Għassa tal-Qawra għadhom għaddejjin, filwaqt li sid il-post mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin. Is-sitt persuni l-oħra nħelsu wara li saret l-investigazzjoni.

L-operazzjoni damet sal-ħabta tas-1am.