Ambjent
72 tunellata ta’ skart jinġabru fl-ewwel jumejn ta’ kampanja nazzjonali ta’ tindif

Fl-ewwel jumejn tal-kampanja “Insebbħu Pajjizna” inġabru 72 tunnellata skart fi 3,500 borża mit-72 kilometru ta’ toroq fejn sar it-tindif sa issa.

Fit-tlitt ijiem mindu bdiet il-kampanja bdew jitnaddfu l-bajjiet primarjament mill-alka li telgħet b’mod naturali, l-iktar tal-Għadira, waqt li bdew jinżebgħu s-‘central strips’, it-‘traffic islands’, ir-’roundabouts’ u ġbir ta’ skart illegali.

Aktar minn 450 ħaddiem minn diversi entitajiet qattgħu l-Ħamis inaddfu u anke ħadu ħsieb manutenzjoni tal-bozoz fejn f’jum wieħed bidlu mas-60 bozza.

Il-kampanja tinvolvi ħidma kordinata minn diversi ministeri u l-ħaddiema ġejjin mid-Diviżjoni tal-Indafa Pubblika, Parks Malta u Ambjent Malta, id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi, Enemalta, Transport Malta u l-Foundation for Tourism Zones.

Is-Segretarju Permanenti Ewlieni Mario Cutajar, li l-uffiċċju tiegħu qed jikkordina din il-kampanja, irrimarka li l-ammont ta’ ħaddiema f’din il-kampanja ta’ tindif se jiżdied minn 450 għal 700.

Il-ħaddiema huma mqassma fi 15-il grupp imferrxin ma’ kull żona tal-pajjiż bix-xogħol jinvolvi tindif ġenerali ta’ toroq u bajjiet, manutenzjoni ta’ dwal u żebgħa, tindif ta’ taħżiż ma’ bini pubbliku, sinjali ġodda tat-traffiku u ġbir ta’ skart goff.