Storja
75 anniversarju mill-attakki nukleari fuq Hiroshima u Nagasaki

Ħamsa u sebgħin sena ilu bħal-lum, id-dinja nħasdet. It-Tieni Gwerra Dinjija kienet għadha sejra fil-Paċifiku meta l-Istati Uniti tefgħet bomba atomica fuq Hiroshima u tliet ijiem wara fuq Nagasaki. L-effett kien li l-Ġappun ċeda iżda dan l-att ħalla bosta effetti oħra fuq l-umanità, xejn anqas mit-telf ta’ 200,000 ħajja f’daqqa. Dawn kienu l-uniċi drabi li armi nukleari ntużaw matul kunflitt armat.

Is-saħħa tal-bomba atomika 75 sena ilu qerdet il-belt ta’ Hiroshima fil-Ġappun. Il-Gvern Amerikan uża l-bomba atomika għall-ewwel darba fis-6 ta’ Awwissu 1945 biex iġib fi tmiem it-Tieni Gwerra dinjija fi żmien qasir. Il-bomba li kien jisimha “Little boy” kien fiha 64 kilo ta’ uranju u kellha impatt daqs 15,000 tunnellata ta’ splussiv.

Terumi Tanaka li kien jgħix fil-belt meta intefgħet il-bomba, irrakkonta li fi ftit sekondi li ntefgħet il-bomba, ntilef minn sensih: “F’daqqa waħda, smajt ħoss kbir. Ma kontx naf x’inhu imma, kif smajtu kollox sar abjad. In-nies jgħidu li kienet berqa, imma jien kollox sar abjad. Ħassejt li din kienet xi ħaġa kerha, ġrejt isfel u tbaxxejt, għalaqt widnejja u għajnejja u ntilft minn sensija.”

Terumi Tanaka qal li l-effett tal-bomba, kien li nħarqu ħafna nies u dawk li weġgħu ma setgħux jingħataw l-għajnuna għax l-ħaddiema tas-salvataġġ damu tlett ijiem biex waslu. Qal li r-riħa ta’ ħruq kienet qawwija u l-effetti tal-bomba baqgħu jinħassu ġimgħat wara. Il-mejta f’Hiroshima telgħu għal 140,000 ruħ.

Fid-9 ta’ Awwissu ntefgħet it-tieni bomba atomika, fuq Nagasaki. Qatlet 75,000 persuna.

75 sena wara, is-Sur Tanaka qal li l-biża’ tiegħu hi li l-effetti ta’ dawn il-ġrajjiet jintesew u l-użu tal-bomba atomika jibda jiġi kkunsidrat.

Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin qal li f’dan l-anniversarju għandha tissaħħaħ ir-riżoluzzjoni li biha jiġi żgurat li traġedja bħal din ma tirrepatix ruħha. F’dan l-isfond tenna l-pożizzjoni ta’ Malta li d-dinja tkun ħielsa mill-armi nukleari.

Aħbarijiet Oħra

Fl-Italja mas-70% tal-poplu vvota biex inaqqas id-daqs tal-Parlament tal-pajjiż b’aktar minn terz. Dan ifisser li l-għadd ta’ Membri Parlamentari jonqos minn 634 għal 400. Ma’ dan se jiċkien ukoll is-Senat.  B’kollox…

Minn tal-inqas terz mill-270 balena li telgħu max-xatt f’Tasmania mietu u hemm il-biża’ li se jmutu aktar. Bijoloġisti marittimi qed jaħdmu qatigħ u jagħmlu milli jistgħu sabiex isalvaw il-baleni. Sa…

Min-nhar il-Ħamis li ġej fl-Ingilterra, il-pubs, barijiet, ristoranti u stabbilimenti turistiċi se jkollhom jagħlqu fl-għaxra ta’ filgħaxija minħabba l-bżonn li tiġi kkontrollata l-imxija tal-Covid-19. Bil-liġi kull settur tal-ospitalità jrid iservi…

Fl-Indja fetaħ mill-ġdid għat-turisti t-Taj Mahal wara 6 xhur magħluq minħabba l-pandemija. Dan l-iżvilupp seħħ minkejja li l-Indja hu l-agħar pajjiż milqut mill-imxija.Bħalissa fl-Indja hemm iktar minn 5 miljun persuna…

Aktar