Lokali
75 sena mill-attakki bl-ajru fuq Malta fi żmien it-Tieni Gwerra Dinjija

Ix-xahar ta’ April 1942 jibqa’ mniżżel bħala wieħed mill-agħar għall-gżejjer Maltin matul it-Tieni Gwerra Dinjija, b’attakki qawwija mill-ajru fuq postijiet strateġiċi, speċjalment madwar il-Port il-Kbir.

F’dan ix-xahar, 75 sena ilu, il-Mostin setgħu jgħodduha b’waħda, wara li bomba nifdet il-koppla tar-Rotunda, iżda għall-Kapuċċini fil-Furjana, l-istorja kienet xorta oħra, bil-knisja kważi tiġġarraf għal kollox.

Frankie Calleja, illum jgħodd 91 sena. Kellu 15-il sena meta nhar id-9 ta’ April tal-1942, assista għall-attakk mill-ajru meta mal-50 ajruplan tal-għadu taru minn fuq il-Mosta u bbumbardjaw l-akwati. Għalkemm għaddew dawn is-snin kollha, dak li seħħ għadu ttimbrat f’moħħu. Ma’ tvm.com.mt, Frankie jirrakkonta dak li ġara 75 sena ilu meta kien għadu tfajjel u flimkien ma’ sħabu ma ħasibix darbtjen, daħal fil-knisja biex jaraw l-ajruplani aktar mill-viċin. Li ma stenniex hu li bomba minnhom li twaddbet mill-Ġermaniżi nifdet il-koppla. Għal ħafna Mostin, kien miraklu li ma ħaditx.

Frankie Calleja jgħid: “Dak in-nhar smajnihom jiġġieldu u tlajna niġru fuq il-kampnar. Wara xi 10 minuti għadda ajruplan u telaq żewġ balal. Waħda ġiet fuq wara tal-knisja u splodiet u l-oħra ħabtet mal-kampnar fejn konna aħna u ma ħaditx u waqgħet għall-isfel. Għamlet tisfira qawwija u bil-qata’ inżilna niġru fil-knisja.”

Jirrakkonta kif fil-knisja kien hemm mal-400 mitt ruħ waqt l-Ora Santa. Malli semgħu l-bumbardament, sabu kenn fil-ġnub tal-Knisja u għalhekk ħelsuha hekk kif il-ġebel kollu waqa’ fuq is-siġġijiet fejn sa ftit qabel kienu qed jitolbu.

Tvm.com.mt jistaqsi lil Calleja: Ma bżajtux taraw l-ajruplani jattakkaw?

“Ma konniex nibżgħu dak iż-żmien. Konna drajniha ta’ tfal li konna. Ma kienx hemm nies jibku. Meta t-trab qagħad u ttendejna bil-bomba, għadna li xi ‘time bomb’ għax dak iż-żmien ‘time bombs’ kienu jitfgħu. Għadna la ma splodietx hemm fuq, mhix se tisplodi hawn. Għadna ‘time bomb’ u tlaqna niġru l-barra u kienet tisplodi ma nafux fi x’ħin.”

U jekk tal-Mosta kien miraklu, mhux l-istess ġara lill-knisja u l-kunvent tal-Kapuċċini tal-Furjana, hekk kif erbat ijiem qabel il-bombi Ġermaniżi għamlu ħerba sħiħa.  Anqas l-istatwa ta’ San Franġisk ta’ Assisi, li hemm quddiem il-knisja ma ħelsitha. L-arloġġ antik mal-faċċata tal-kunvent, waqaf jaħdem fis-2.33pm. F’dak il-jum, il-patrijiet, flimkien ma’ 60 persuna oħra, niżlu fix-xelter taħt il-kannierja li hemm taħt il-knisja. Madankollu, Patri Clement Cauchi mill-Birgu u Joseph Borg minn Ħaż-Żabbar, ma rnexxilhomx jinżlu fix-xelter fil-ħin.

Fr Martin Micallef, mill-Kapuċċini tal-Furjana, jgħid: “Fil-5 ta’ April, kien Ħadd il-Għid, għal ħabta tas-2.15pm instemgħu diversi ajruplani Ġermaniżi u fi ftit ħin, il-Knisja u l-Kunvent prattikament saru borġ ġebel. Il-knisja hu post storiku mibni mill-kavallieri fl-1588, storja ta’ 400 sena. Kienet tassew ġrajja ta’ qsim il-qalb li anke dakinhar miet patri u raġel minn Ħaż-Żabbar.”

Intant, fl-okkażjoni tal-75 anniversarju mill-attakki mill-ajru waqt it-Tieni Gwerra Dinjija, is-Soċjetà Piroteknika 15 ta’ Awwissu tal-Mosta, qed ittella’ esebizzjoni fix-xelter li hemm taħt il-Knisja. Fiha, wieħed jista’ jara ritratti antiki, mhux biss tal-attakk fuq il-Mosta, imma ukoll tal-ħerba li saret f’diversi postijiet, fosthom tal-Floriana, il-Belt u l-Imqabba.

Aħbarijiet Oħra

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għandu vettura ġdida biex tagħmilha iktar possibbli biex jiġu salvati nies jekk jinqala’ xi inċident f’bini għoli. Il-vettura nxtrat mill-Awtorità tal-Ippjanar hekk kif fl-aħħar snin żdiedu l-binjiet…

Mart il-President ta’ Malta, is-sinjura Miriam Vella qalet li tifhem eżatt il-bżonn ta’ iktar għarfien fuq il-kanċer tas-sider għax tilfet lill-ommha b’dan il-kanċer. Is-sinjura Vella din is-sena hija l-Patruna tal-kampanja…

Il-Kummissjoni Elettorali tal-Partit Nazzjonalista fi stqarrija qalet li llum għamlet il-verifiki kollha u ġie konkluż li n-numru ta’ tesserati eleġibbli biex jivvutaw fl-elezzjoni għall-ħatra ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista huwa 21,499….

Uffiċjali mill-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-OHSA qegħdin jiċċertifikaw li kull skola f’Malta u Għawdex hija konformi mar-regolamenti li tfasslu mill-awtoritajiet tas-saħħa. F’kummenti ma’ Television Malta, is-Segretarju Permanenti…

Aktar