Kronaka
75% tal-persuni li nqabdu b’dokumenti foloz intbagħtu l-ħabs

F’xahar, bejn it-2 ta’ Awwissu u l-5 ta’ Settembru, il-pulizija tal-immigrazzjoni ressqet il-Qorti 120 persuna li nqabdet b’dokumenti foloz jew fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta inkella fix-xatt tal-Belt. Minnhom 90 persuna ingħataw sentenza ta’ ħabs li tvarja minn xahar sa sentejn skont il-każ.

Fi stqarrija l-pulizija qalet li l-bqija ingħataw sentenza sospiża u oħrajn inħarġitilhom ordni biex jirritornaw lura pajjiżhom wara li nqabdu jaħdmu bla permess, jew bla flus biex imantnu lilhom infushom jew bil-viża skaduta.

Intqal ukoll li l-maġġoranza tal-persuni miżmuma mill-pulizija huma mis-Sudan, kif ukoll oħrajn li ġejjin minn pajjiżi fl-Asja jew mil-Lvant tal-Ewropa fosthom il-Maċedonja, is-Serbja, ir-Russja, il-Bosnja-Ħerżegovina u l-Albanija kif ukoll mill-Brażil.

Il-pulizija qalet ukoll li f’dawk il-każijiet meta jinqabdu persuni li ma jkollhomx dritt li jgħixu fil-gżejjer Maltin, jinbdew proċeduri biex jintbagħatu ‘l barra mill-pajjiż. Qalet li l-pulizija tassisti wkoll fi proċessi ta’ rilokazzjoni li bħalissa hemm għaddejjin ma’ numru ta’ pajjiżi Ewropej.

L-Assistent Kummissarju Neville Xuereb li jmexxi t-Taqsima tal-Immigrazzjoni rrimarka li qed jiżdiedu l-immigranti li jistaħbew f’kontejners qabel dawn jitilgħu fuq bastiment u dwar dawn issir ħidma ma’ Transport Malta u mal-uffiċjali tas-sigurtà tal-faċilità tal-port. Fakkar li l-ksur tal-liġi tal-immigrazzjoni huwa serju ħafna u fil-maġġoranza tal-każijiet, il-pieni nvoluti huma dawk ta’ ħabs effettiv.

Fl-istess stqarrija, il-Pulizija qalet li l-użu ta’ dokumenti foloz minn persuni li jippruvaw jaħarbu minn pajjiż għal ieħor huwam ta’ tħassib mhux biss għall-Pulizija Maltija iżda għall-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Intqal li minn meta faqqgħet il-pandemija tal-Covid-19, in-numru ta’ dokumenti foloz fl-idejn żdied b’mod allarmanti. Fl-aħħar ġimagħtejn biss, skont l-Aġenzija Ewropea Frontex, ġew interċettati mas-600 dokument falz fuq il-fruntiera madwar l-Ewropa.