75% tan-nisa f’Malta ġieli esperjenzaw fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol

Statistika maħruġa fl-aħħar xhur mill-NGO ‘Men Against Violence’ b’kollaborazzjoni mal-Women’s Rights Foundation u l-Malta Community Chest Fund tindika ċifri allarmanti fejn tliet minn kull erba’ nisa ġieli raw jew għaddew minn xi tip ta’ fastidju sesswali fuq il-post tax-xogħol. Bosta kienu dawk li qalu li għaddew minn dan il-fastidju huma stess filwaqt li oħrajn tennew li raw dan jiġri fuq kollegi tagħhom. L-istess statistika tindika li hawn irġiel li jgħaddu mill-istess sitwazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, biss terz tal-irġiel li kienu parti mir-riċerka qalu li qatt ma ġarrbu xi tip ta’ fastidju sesswali.

Tkellimna ma’ Rene Laiviera mill-Kummissjoni Nazzjonali għall-promozzjoni tal-Ugwaljanza li spjegat li meta jsir fastidju sesswali, persuna tkun qiegħed iddejjaq persuna oħra b’konnotazzjonijiet jew imġieba sesswali li tkun qed isir. Il-postijiet tax-xogħol huma magħmula minn persuni b’karattri differenti. Għalhekk għandha dejjem tingħata attenzjoni għal lingwaġġ u l-imġieba li ssir, għaliex l-ebda individwu ma għandu għalfejn iħossu skomdu fuq il-post tax-xogħol. Hija qalet li għad hawn l-impressjoni li jiġu ffastidjati biss nisa żgħar li jilbsu provokanti biss dan mhux minnu. “Naf b’każijiet ta’ nisa li kellhom l-fuq minn ħamsin sena u għaddew minn fastidju sesswali” tenniet Laiviera, filwaqt li stqarret li wieħed għandu jikkunsidra wkoll l-impatt li jħalli dan il-fastidju fuq il-ħajja personali tal-persuna, mal-partner tagħha jew tiegħu u mat-tfal.

Sarah Jane Mifsud, Kap tal-Kura għall-Vittmi ta’ Aggressjoni Sesswali minn Victim Support Malta saħqet li kull każ ta’ fastidju sesswali jrid jiġi analizzat b’mod individwali għaliex kull każ huwa differenti. Fil-fatt mhux il-vittmi kollha jiġu affettwati bl-istess mod. Mifsud spjegat li regolarment jiltaqgħu ma’ element ta’ biża’ fejn persuna tibża’ tmur għax-xogħol għaliex tkun taf li se jkollha tiffaċċja aġir li jtiha fastidju. Hija qalet li kien hemm każijiet fejn il-vittma tibda tbati minn ansjetà jew saħansitra depressjoni.  “Irridu nkunu sensittivi, għaliex ma tafx kif persuna se tiġi affettwata b’aġir simili”.