COVID-19
76 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta – imfejqa 110 oħra

L-awtoritajiet għas-saħħa kkonfermaw li fl-aħħar 24 siegħa nstabu 76 każ ġdid ta’ Covid-19 f’Malta, b’110 oħra ġew imfejqa mill-virus.

Fl-aħħar 24 siegħa saru 3,075 swab tests biex b’hekk it-total ta’ każijiet pożittivi telgħu għal 5,942 bit-total ta’ mfejqa tela’ wkoll għal 3,990, b’1,891 każijiet attivi.

Fl-ITU hemm 12-il persuna għall-kura, fl-IDU hemm 12 oħra mentri f’Mater Dei hemm 21 persuna għall-kura mill-Covid-19.

Il-Professur Gauci kompliet tgħid li fl-isptar Boffa hemm 19-il persuna, fl-isptar St Thomas hemm 16, f’Karen Grech hemm persuna u fl-isptar Good Samaritan, sptar ġdid għall-anzjani u persuni b’diżabbiltà, hemm 7 persuni għall-kura.

Fl-ITU żewġ persuni għandhom inqas minn 55 sena u 5 bejn 60-69 sena mentri 5 persuni oħra fl-ITU għandhom aktar minn 70 sena.

Il-Prof Gauci qalet li t-total ta’ każijiet baqa’ jiżdied bil-medja ta’ każijiet issa laħaq il-104.

Qed isir numru kbir ta’ PCR tests kif ukoll ir-rapid testing biex tiġi kkontrollata l-imxija. Il-Professur Gauci qalet li sakemm il-persuni jirċievu r-riżultat tat-test għandhom joqgħodu ġewwa flimkien mal-membri tal-familji tagħhom.

Peress li n-numri żdiedu, il-Professur qalet li l-awtoritajiet ħadu d-deċiżjoni jieħdu aktar miżuri restrittivi. Hija kompliet tagħmel enfasi fuq l-ilbies tal-maskri b’mod tajjeb fejn jitgħatta l-imnieħer, il-ħalq u jitgħatta anke l-geddum.

L-eżenzjoni tal-użu tal-maskri huwa biss fid-djar iżda huwa rakkomandat jintlibsu jekk persuni mhxu tal-istess residenza jkunu fid-dar.

Fil-karozzi mhux obbligatorju l-ilbies tal-maskri iżda huwa rrakkomandat jekk fil-karozza jkun hemm persuni mhux tal-istess residenza.

Nistgħu nneħħu l-maskra biss f’eċċezzjonijiet bħal tfal tal-kindergarten fil-klassijiet, waqt eżerċizzju intensiv, għal każ ta’ indentifikazzjoni, waqt l-ikel u meta wieħed ikun qed jieħu xi mediċini jew trattamenti.

Mill-ġdid il-Professur reġgħet enfasizzat l-importanza tal-iġenje u l-ħasil tal-idejn u anke l-użu ta’ sanitizers filwaqt li kkonfermat li fl-ajruport, din il-ġimgħa nstabu 6 każijiet pożittivi.

Il-Professur Gauci talbet lil kull min dieħel għal operazzjioni biex ma jesponix lilu nnifsu għar-riskju tal-virus.

Mistoqsija minn TVM dwar jekk ir-rapid testing għandux jestendi għall-passiġġieri tal-cruise liners u ta’ dawk li jaslu bil-katamaran minn Sqallija, il-Professur Gauci wieġbet li l-cruise liners għandhom protokolli dwar ittestjar fuq il-vapuri stess, filwaqt li Sqallija għad mhix fil-lista oranġjo.

Mistoqsija dwar meta jista’ jinfetaħ qabar wara li tkun indifnet persuna nfettata bil-covid, il-Professur Gauci qalet li l-linji l-gwida tal-organizazzjonii dinjija tas-saħħa s’issa jispeċifikaw li jridu jgħaddu 10 snin.